Fi stqarrija l-Pulizija qalu li b’referenza għal inċident li seħħ aktar kmieni waranofsinhar, ir-raġel li kien qed isuq il-mutur qiegħed isofri minn ġrieħi serji filwaqt li l-mara li kienet passiġġier fuq l-istess mutur qed issofri minn ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech LL.D. qiegħda tmexxi inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
04.08 – AĠĠORNAT: ŻEWĠ TALJANI L-ISPTAR WARA ĦABTA FIX-XEWKIJA
Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li l-persuni li kellhom jiddaħlu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex huma raġel u mara t-tnejn Taljani u t-tnejn li huma għandhom 57 sena. It-Taljani jgħixu r-Rabat Għawdex. Ir-raġel kien qed isuq mutur tal-għamla Kentoya 125 filwaqt li l-mara kienet passiġġiera.
Għal xi raġuni t-Taljani kellhom impatt ma’ karozza BMW 320D li kienet misjuqa minn raġel ta’ 46 sena residenti Kerċem.
Kemm il-karozza u anke l-mutur kienu mexjin fl-istess direzzjoni – mir-Rabat lejn l-Imġarr meta seħħ impatt bejnithom.
Il-kundizzjoni tat-Taljani għadha mhix magħrufa.
Il-pulizija għadhom qegħdin jinvestigaw.
03.08pm – Persuni l-isptar wara ħabta bejn karozza u mutur fix-Xewkija Għawdex
Persuni kellhom jittieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex meta seħħet ħabta bejn karozza u mutur fix-Xewkija Għawdex.
Kien għall-ħabta ta’ 02.20pm meta karozza ħabret ma’ mutur fi Triq l-Imġarr eżattament quddiem il-Farm tal-Gvern fix-Xewkija. Mad-daqqa jidher li l-mutur tkaxkar għal diversi metri u spiċċa ma’ vetrina ta’ showroom li hemm fl-istess triq.
Il-kundizzjoni tas-sewwieq tal-mutur għadha mhux magħruf.
It-triq bħalissa tinsab magħquda mid-direzzjoni tal-Imġarr lejn ir-Rabat minħabba l-inċident li seħħ.
Il-pulizija għadhom qegħdin jinvestigaw.
Aktar dettalji kif jaslulna.