Illum waranofsinhar, minn iżjed tfittxijiet u investigazzjonijiet, il-Pulizija sabet lill-allegat vittma f’Birkirkara, bi ġrieħi ta’ natura ħafifa f’rasu. Il-vittma ġie identifikat bħala Libjan ta’ 31 sena.
Il-persuna li ġiet arrestata aktar kmieni llum huwa raġel ta’ 39 sena mill-Kuba.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qegħdin jitmexxew mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad- Distrett tal-Imsida.
2:00 p.m: Persuna barranija arrestata b’rabta ma’ argument fl-Imsida
Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett issoktaw bl- investigazzjonijiet b’rabta ma’ argument bejn grupp ta’ persuni li seħħ ilbieraħ filgħaxija fl-Imsida. Dawn l-investigazzjonijiet wasslu biex ġiet arrestata persuna barranija.
Ilbieraħ, għal xi t-7:40 p.m, il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l- assistenza fi blokka ta’ appartamenti fi Triq Dijonisju Famuċelli, l-Imsida. Il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll tar-Rapid Intervention Unit (RIU) marru mill-ewwel fuq il-post u sabu taqtir ta’ demm, kemm fil-komun tal-blokka kif ukoll ma’ bieb fil-ħames sular.
Minħabba f’hekk qam suspett li seta’ kien hemm xi ħadd mistoħbi u fuq il-post issejħu l- membri tal-Ispecial Intervention Unit (SIU) biex jassistu. Il-pulizija fetħu u fittxew f’kull kamra tal-appartament, imma ma nstab ħadd. Madankollu nstabu xi armi bil-ponta, li x’aktarx setgħu ntużaw fl-argument u sustanza suspettata droga.
Fuq il-bankina, quddiem il-blokka ta’ appartamenti nstabet balla li ġiet elevata, bl- investigazzjonijiet jirriżultaw li waqt l-argument, allegatament ġie sparat tir fl-ajru. Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet u bit-tfittxija għall-allegat vittma.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca ġiet infurmata bil-każ u qiegħda tmexxi inkjesta.