Monday, May 13, 2024

“Il-ħarsa tal-uffiċjali korrettivi trid tkun waħda ta’ mħabba”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li saħaq li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin trid tkun ambjent ta’ dixxiplina u ta’ serjetà, l-Arċisqof Charles J. Scicluna enfasizza li r-residenti għandhom ikunu f’ambjent fejn ikunu maħbubin. 

Fl-omelija tiegħu waqt quddiesa f’Jum l-Uffiċjali Korrettivi fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina, l-Arċisqof Scicluna saħaq li l-ħarsa tal-uffiċjali korrettivi trid tkun dejjem ħarsa  ta’ mħabba.

Dan għaliex fi kliemu “l-ambjent ta’ sigurtà li hemm bżonn jinħoloq, anke bit-teknoloġiji moderni, anke f’ambjent forsi rinovat u mhux iffullat, irid ikun ambjent fejn il-bniedem ma jitlifx it-tama. Irid ikun ukoll ambjent fejn kulħadd għandu s-sapport neċessarju.”

Min-naħa l-oħra, huwa qal ukoll li jifhem li l-uffiċjal korrettiv għandu ħajja mhux faċli billi jgħix f’ambjent ta’ vjolenza u jrid jitgħallem irażżan lilu nnifsu u bit-trażżin u d-dixxiplina għandu jipprova joħloq ambjent sikur li jkun tassew korrettiv. 

L-Arċisqof Scicluna insista wkoll li “allaħares l-ambjent li jieħdu ħsieb l-uffiċjali korrettivi isir villaġġ ta’ kriminalità fejn id-droga ssibha iżjed faċli milli ssibha barra, fejn kulħadd għandu l-arma preferita tiegħu.” 

“Imma fl-istess ħin l-ambjent li tridu tieħdu ħsiebu bl-għajnuna tas-soċjetà u tal-Istat, bir-riżorsi kollha li jagħti lir-residenti u lilkom, fl-għajnuna psikoloġika, psikjatrika, medika assistenza għall-prevenzjoni tal-vizzju u min ikun qed ibati jkollu bżonn li jiġi segwit b’mod partikolari mhux mitluq waħdu bla tama u ma jafx li għandu faraġ, ikun min ikun, tkun min tkun il-persuna.”

Sport