Saturday, November 23, 2024

AĠĠORNAT – Iwieġeb l-Uffiċċju tal-Prim Ministru… Il-PN b’liġi dwar il-governanza tajba

Aqra wkoll

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-PN Bernard Grech, intqal li “l-Kap tal-Oppożizzjoni kien jaf li mhux jgħid is-sewwa meta stqarr li l-gvern m’għamel xejn fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika.”

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru “kkonsulta kemm felaħ mal-entitajiet involuti, fosthom akkademiċi u ġurnalisti, kif  ukoll istituzzjonijiet internazzjonali, biex ikun f’pożizzjoni li jaħtar kumitat ta’ esperti kif suġġerit mill-inkjesta  pubblika nnifisha, kumitat li anke dwar il-membri tiegħu saret konsultazzjoni wiesgħa. M’hemmx dubju li l-Kap  tal-Oppożizzjoni jaf sew b’uħud minn dawn il-konsultazzjonijiet.” 

L-Uffiċċju tal-PM qal li f’uħud minn dawn il-laqgħat ġew preżentati wkoll numru ta’ abbozzi ta’ liġijiet maħsuba biex jipproteġu l ġurnalisti fuq quddiemnett. 

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkonkluda jgħid li huwa jibqa’ “determinat li frott din il-konsultazzjoni issa jħabbar il-passi li jmiss fil-ġranet  li ġejjin kif miftiehem fil-konsultazzjoni.” 

Il-PN b’liġi dwar il-governanza tajba

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, iktar kmieni dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet ħabbar li l-grupp parlamentari Nazzjonalista unanimament approva Abbozz ta’ Liġi dwar il-governanza tajba.

Din id-deċiżjoni li jitfassal dan l-Abbozz ittieħdet wara li skont Grech, “il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ċass quddiem l-impunitá li kien hemm u għad hemm taħt Gvern Laburista.”

L-Abbozz li jiġbor 12-il Abbozz ieħor, jitkellmu dwar:

  1. Att li jelenka d-dmirijiet tal-Gvern fl-interess tal-ġid komuni. Qegħdin ngħidu li fil-Kostituzzjoni għandu jkun hemm elenkati d-dmirijiet tal-Gvern bħala gwardjan tal-iStat tad-Dritt, kustodju tal-patrimonju tan-nazzjon u promotur tal-benesseri tas-soċjetà.
  1. Att li jipprovdi għad-dmirijiet ta’ Gvern interim. Meta l-Parlament jiġi xolt skont l-Artikolu 76 tal-Kostituzzjoni, għandu jinħoloq gvern interim. F’dan il-perjodu ma għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni li torbot Kabinett ġdid.
  1. Att li jistabbilixxi Uffiċċju ta’ Maġistrat Inkwirenti Speċjali kontra l-Korruzzjoni, li jkollu setgħat kbar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, anke li jibda investigazzjoni minn jeddu.
  1. Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reat għal kull min bi vjolenza jew theddid, jew b’offerta jew wegħda ta’ flus jew ta’ kull xorta ta’ utli ieħor, jisforza jew iwassal lil xi ħadd ieħor biex ma jiddikjarax xi ħaġa jew jiddikjara xi ħaġa fażulla quddiem awtorità ġudizzjarja fi proċedimenti kriminali meta dik il-persuna għandha d-dritt li tibqa’ siekta u, jew id-dritt li ma tinkriminax ruħha: Delitt ta’ intraċċ għall-ġustizzja (Obstruction of Justice).
  1. Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reati minn uffiċjal pubbliku inkarigat bl-infurzar tal-ligi li dolożament jonqos minn dmiru. (Dereliction of Duties)
  1. Att li jipprevedi l-ħolqien ta’ reati ġodda ta’ użu illegali ta’ riżorsi elettroniċi mhux uffiċjali minn uffiċjali pubbliċi – jaħbi min għandu x’jaħbi.
  1. Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reat ġdid kontra l-kriminalita organizzata billi jipprovdi ghall-assoċċjazzjoni kriminali ta’ bixra mafjuża.
  1. Att biex jipprovdi għal Ordni ta’ Ġid mhux spjegat. Il-Qorti Kriminali tista’, fuq talba mressqa mill-Avukat Ġenerali, toħroġ ordni ta’ ġid mhux spjegat fir-rigward ta’ kwalunkwe proprjetà jekk il-qorti tkun sodisfatta li kull wieħed mir-rekwiżiti għall-għoti tad-digriet ikun sodisfatt. Unexplained Wealth Orders – fejn persuna jkollha propjetá li tkun ġiet minn fondi minn reat serju ħafna li jġorr aktar minn disa’ snin priġunerija.
  1. Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reat ġdid għal min jabbuża mill-awtorità tal-uffiċċju tiegħu. – Abbuż ta’ poter minn uffiċjal pubbliku.
  1. Att biex jipprovdi ghodda ahjar ‘l Pulizija fl-investigazzjoni ta’ delitti gravi. Tigi emendata l-Kostituzzjoni biex f’kazijiet ta’ reati gravi bhal terrrizmu, omicidju, hasil ta’ flus u traffikar ta’ droga, il-perjodu massimu ta’ 48 siegha arrest jista’ jiggeded darba biss sa 72 siegha jekk il-Kummissarju tal-Pulizija jgib l-awtorizzazzjoni tal-Magistrat Inkwirenti. Dan wara li jkun ta lill-maġistrat raġuni ġuramentata għala hemm bżonn ta’ tali estensjoni fiż-żmien tal-arrest sa 72 siegħa.
  1. Att biex jipprovdi għall-għola protezzjoni possibbli għad-dritt ta’ ġurnalizmu ħieles, indipendenti u imparzjali bħala wieħed mill-pillastri ewlenin tas-Saltna tad-Dritt, u dan billi d-dritt fundamentali għall-media ħielsa jkun ankrat fil-kostituzzjoni.
  1. Att biex jipprovdi għall-protezzjoni kontra kawżi strateġici kontra l-parteċipazzjoni pubblika (“SLAPP”). In vista tad-diversi kawżi SLAPP li diversi ġurnalisti Maltin qed jiffaċċjaw jew ġew mhedda bihom f’pajjiżi barranin fejn qed jintalbu minnhom għexieren ta’ miljuni ta’ dollari f’danni, qed nippreżentaw Abbozz li jħares il-ġurnalist mill-biża’ ta’ dawn il-kawżi. Ħalli b’hekk nagħtu serħan il-moħħ ‘l ġurnaliżmu.

Grech qal li permezz ta’ dawn l-abbozzi miġburin f’Abbozz wieħed “mhux biss ser jieħdu fil-konsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tat-tliet Imħallfin tal-inkjesta pubblika tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia iżda biex pajjiżna jkollu s-serħan il-moħħ.

Sport