Żewġ persuni weġġgħu gravi wara li vann li jġorr il-flus baqa’ dieħel f’siġra.
L-inċident seħħ illum għall-ħabta tal-11.00a.m. fit-Telgħa tas-Saqajja, l-Imdina.
Dan is-sit jinsab infurmat li l-vann kien qed jiġi misjuq minn raġel ta’ 30 sena minn Ħal Għaxaq.
Miegħu kien hemm passiġġier, raġel ta’ 33 sena miż-Żejtun li sofra ġrieħi gravi.
Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew minn ġrieħi gravi.
Minħabba raġunijiet ta’ sigurtà marbuta mal-fatt li l-vann huwa wieħed minn dawk li jġorru l-flus, fuq il-post issejħu diversi units tal-Pulizija.
L-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta ma’ dan l-inċident għadha għaddejja.