Saturday, December 21, 2024

AĠĠORNAT: Jinżamm arrestat fuq akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga

Aqra wkoll

John Junior Pace, Malti ta’ 28 sena mill-Gżira nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga, fost akkużi oħra.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li waslu għall-arrest ta’ Pace, wara li l-Pulizija rċeviet infomazzjoni mingħand xi ħadd li ma riedx jissemma li kien hemm remissa fil-Marsa li kienet suspettuża.

Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li l-Pulizija għamlu tfittxija fir-remissa t-Tlieta li għadda u li l-istess tfittxja wasslet biex l-Pulizija arrestat lil Pace u żewġ persuni oħra.

Minn tfittxijiet li saru fir-remissa u fil-madwar, il-Pulizija sabu diversi qratas b’sustanza suspettata droga kokaina u kannabis, kif ukoll madwar €2,000, fost diversi oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.

Fil-Qorti, l-akkużat wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest u argumentat li meta l-Pulizija marret fuq il-post, ma nstabet l-ebda tip ta’ droga fil-pusses ta’ Pace.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat t-talba tad-Difiża, bir-raġuni li l-akkużat joqgħod fl-stess residenza ta’ persuna, li bħalissa jinsab ukoll taħt investigazzjoni tal-Pulizija.

Il-Qorti ppreseduta mill-Magistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ, tmexxiet mill-Ispetturi Mark Cremona, Elisia Scicluna u Katheline Zerafa

Aktar kmieni dalgħodu:

Raġel se jitressaq il-Qorti wara li ġie arrestat b’rabta ma’ sejba tad-droga

Investigazzjonijiet illi saru mill-Pulizija wasslu biex dalgħodu fil-Qorti, se jitressaq raġel ta’ 27 sena residenti l-Gżira, b’akkużi relatati mad-droga.

Il-Pulizija għamlet l-osservazzjoni tagħha fuq remissa fil-Marsa, fejn fiha allegatament kienet qiegħda tkun ittraffikata d-droga.

Kien ilbieraħ wara nofsinhar meta l-Pulizja daħlu fl-istess remissa u arrestaw lill-persuni li kien hemm fiha.

Minn tfittxijiet ulterjuri li saru, instabu numru ta’ qratas b’sustanza suspettata droga kokoaina u kannabis, kif ukoll mwieżen diġitali u diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.

B’rabta ma’ dan il-każ, ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech LL.D li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin

Ekonomija

Sport