Tuesday, December 24, 2024

AĠĠORNAT: L-Isptar Ġenerali t’Għawdex – mhux il-pazjenti kollha ġew evakwati – in-nirien intfew

Aqra wkoll

AĠĠORNAT 22:50 – Fi stqarrija li ħarġu ftit tal-minuti ilu Steward Health Care li jmexxu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex qalu li n-nar beda minn kamra tal-IT ta’ waħda mis-swali.

Qalu li n-nar kien ikkontrollat f’din l-istess kamra u ntefa’ mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

L-istqarrija tkompli tgħid li madankollu, infirex duħħan f’numru ta’ swali u kmamar oħra u anke fil-kurituri tal-isptarijiet.

Minħabba dan, il-pazjenti kollha fis-swali tal-irġiel u n-nisa tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex kellhom jiġu evakwati minnufih u ġew trasferiti fid-Dipartiment tal-Outpatients tal-Isptar u l-Iskola Medika ta’ Barts fi ħdan il-kampus tal-GGH.

B’xorti tajba jidher li ma weġġa’ ħadd f’dan l-inċident. Il-GGH jinsab għaddej b’ħidma biex is-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal u tiżgura s-saħħa u s-sigurtà tal-pazjenti u l-membri tal-istaff tal-isptar, ittemm tgħid l-istqarrija.

AĠĠORNAT: 22:37: Kollox qed jindika li n-nirien li kien hemm intefew u ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.

Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, ikkonferma wkoll – permezz ta’ post fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook – li kollox jinsab taħt kontroll.

Nifmhu li issa trid tkun l-investigazzjoni li tistabbilixxi eżatt x’wassal għal dawn in-nirien. Jidher li n-nar beda minn uffiċċju li hemm fis-sala tal-irġiel.

Aġġornat 22:25: Minn informazzjoni li daħlet lil dan is-sit jidher li mhux l-isptar kollu ġie evekwat tant li hemm swali bħal ITU u CCU għadhom qed jaħdmu b’mod normali.

Fuq il-post għadu kemm wasal il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex Joseph Fenech.

S’issa kollox qed jindika li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident. Il-pazjenti li kellhom jinħarġu mis-swali tagħhom ħadd ma sofra xi ġrieħi u ġew evekwati bħala mezz ta’ prevenzjoni.

L-Isptar Ġenerali t’Għawdex ftit tal-minuti ilu nħakem min-nirien. Bħalissa fuq il-post hemm il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Kważa ta’ dawn in-nirien il-ħaddiema kollha ġew evekwati miż-żoni li kienu meqjusa ta’ periklu. Il-pazjenti wkoll inħarġu mis-swali tagħhom u bdew jiddaħħlu fil-bini ta’ Barts li hemm faċċata tal-Isptar.

Skont informazzjoni li kiseb Talk.mt jidher li n-nar beda mis-sala tal-irġiel u b’ħeffa kbira nfirex fi swali oħra.

Mill-ewwel daħlet fis-seħħ il-proċedura stabbilita tal-evekwazzjoni.

S’issa għadu mhux magħruf jekk hemmx xi persuni li sofrew xi ġrieħi f’dan l-inċident. Se tkun qed tinfetaħ investigazzjoni biex issir verifika ta’ x’wassal għan-nirien.

Ekonomija

Sport