Friday, December 13, 2024

Aġġornat: Identifikata l-vittma; Is-suspettat ġie arrestat wara li qajjem kommossjoni fil-Knisja tal-Balluta

Aqra wkoll

Malti ta’ 20 sena residenti ż-Żejtun ġie arrestat b’rabta mal-qtil tal-Pollakka f’Tas-Sliema. Huwa ġie arrestat wara li ngħad li qajjem kommossjoni fil-Knisja tal-Balluta fejn daħal f’din il-knisja, li tinsab viċin tal-post fejn instab il-katavru, tela’ fuq l-artal u qaleb sedja u leġiju.

Kienu għall-ħabta tas-6.20a.m. meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien instab katavru fil-Ġnien l-Indipendenza, f’Tas-Sliema.

Minnufih marru l-Pulizija tad-Distrett fuq il-post fejn ġie stabbilit li kien instab katavru li kien jinsab taħt iċ-ċint fid-dawra ta’ dan il-ġnien.

Kelliem tal-Pulizija qal li saret tfittxija fuq il-persuna biex tiġi stabbilita l-identità tagħha. Minn hemm irriżulta li l-katavru huwa ta’ tfajla ta’ 29 sena ta’ nazzjonalità Pollakka. Aktar tard ġie kkonfermat li l-vittma hija Paulina Dembska li kienet tgħix Tas-Sliema stess.

Huwa qal li l-mara nstabet mejta wiċċa ‘l fuq  u bħalissa għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-Pulizija biex ikun stabbilit il-kawża tal-mewt tagħha. 

Fl-aħħar ħin, minn investigazzjonijiet intensivi li saru, il-Pulizija stabbilit li huwa suspettat li l-persuna nqatlet, jiġifieri x’aktarx omiċidju, u rriżulta wkoll li l-Pulizija identifikat ukoll l-allegat aggressur u jinsab f’idejn il-Pulizija.  Kelliem tal-Pulizija qal li r-raġel li ġie arrestat huwa Malti u bħalissa qed jiġi interrogat.

Il-katavru tal-vittma ttieħed fil-kamra mortwarja fejn qed isiru l-investigazzjonijiet forensiċi. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet sabiex tiġi stabbilita d-dinamika ta’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

YouTube video

Filmat mibgħut minn wieħed mill-qarrejja tagħna.

Ekonomija

Sport