Saturday, May 4, 2024

Ceferin: L-idea tat-Tazza tad-Dinja biennali mhijiex tajba

Aqra wkoll

Il-president tal-UEFA, Aleksander Cefe­rin (ritratt), spjega r-raġunijiet għaliex hu u l-biċċa l-kbira tal-assoċjazzjiet tal- UEFA huma kontra l-pjani li ssir it-Tazza tad-Dinja kull sentejn.

Kemm il-UEFA kif ukoll l-għaqda li tmexxi l-football fl-Amerika t’Isfel, il-CONMEBOL, esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-pjani u Ceferin spjega għaliex jaħseb li torganizza t-tournament kull erba’ snin iżomm lill-partitarji eċċitati għalih.” L-Ewropa u l-Amerika t’Isfel huma kontriha u huma l-uniċi li għandhom rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja,” qal fuq il-pjani.

“Il-problema hi li t-Tazza tad-Dinja trid issir kull erba’ snin biex tkun interessanti.

“Kieku ssir kull sentejn, dan ‘jikkannibalizza’ l-football tan-nisa għax issir fl-    istess ħin tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa.

“Hija sempliċiment idea ħażina u mhux se tiġri għax hija idea ħażina, mhux għax nopponuha.

“Għaliex mhux kull sitt xhur allura? Mhux sempliċi daqshekk.

“Għaliex il-Logħob Olimpiku jsir kull erba’ snin? Għax huwa avveniment li trid tistenna u tistenna biex tgawdih.

“Huwa l-akbar avveniment tal-football. Għandu jkun kull erba’ snin.

“Huwa ċar ħafna, peress li 75% tal-partitarji madwar id-dinja jirrifjutaw l-idea.”

Sport