Tuesday, December 24, 2024

AĠĠORNAT: MARA TMUT WARA LI TTAJRET FIL-GŻIRA

Is-sewwieq sar aggressiv u beda jwaddab il-ġebel

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mara tilfet ħajjitha wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu kienet involuta f’inċident li seħħ fi Triq l-Imsida fil-Gżira.

Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 33 sena minn Ħal Lija kien tilef il-kontroll tal-vettura tal-għamla BMW li kien qiegħed isuq u tajjar mara Torka ta’ 30 sena residenti l-Gżira.

YouTube video

Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei u ambulanza li ħadet lill-mara lejn l-Isptar, iżda sfortunatament hija kienet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara.

Skont informazzjoni li għandu dan is-sit jidher li r-raġel sar aggressiv u minnufih beda jargumenta ma’ xi nies li marru biex jagħtu l-ewwel għajnuna u anke persuni oħrajn li kienu fl-istess triq. Huwa baqa’ jġib ruħu b’dan il-mod u saħansitra waddab xi ġebel li sab fl-art sakemm mal-wasla tal-pulizija huwa ġie arrestat anke wara li kellhom jużaw taser gun minħabba l-imġiba aggressiva tiegħu.

Ninsabu infurmati wkoll li r-raġel ittieħed ukoll lejn l-Isptar Mater Dei fejn nifhmu li sarulu testijiet minħabba l-istat mentali tiegħu kif ukoll minħabba sustanzi li seta’ kien taħt l-effett tagħhom.

B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Nadine Lia filwaqt li l-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom.

Dan kien it-tieni inċident fatali f’temp ta’ ftit jiem wara li s-Sibt li għadda anzjan ta’ 79 sena mill-Marsa ttajjar minn karozza tal-għamla KIA Sorrento misjuqa minn żagħżugħ ta’ 24 sena residenti Birżebbuga.

Ekonomija

Sport