Sunday, December 22, 2024

AĠĠORNAT: Persuni maqbudin fit-tifrik jibagħtu sejħiet ta’ għajnuna minn qalb it-tifrik fit-Turkija

Ibrahim Haskologlu, ġurnalist Tork li huwa bbażat f’Istanbul

Aqra wkoll

“Għadd hemm in-nies maqbuda qalb it-tifrik tal-bini … dawn jeħtieġu l-għajnuna tagħna,” jisħaq Ibrahim Haskologlu, ġurnalist Tork li huwa bbażat f’Istanbul, it-Turkija.

F’kumment li ta lill-midja Ingliża BBC, huwa qal li hu flimkien ma’ ġurnalisti oħra qed jirċievu għadd ta’ filmati u messaġġi mingħand in-nies li jinsabu maqbuda f’dawn il-postijiet tat-tifrik.

Haskologlu jsostni li t-Turkija teħtieġ bosta għajnuna u jappella sabiex iktar pajjiżi jgħinu lill-poplu li safa milqut minn din l-isfortuna. Intant, huwa kompla jgħid li qed ifittex jirritorna d-dar kemm jista’ jkun malajr sabiex ikun jista’ jgħin fejn meħtieġ.

10:30 a.m: Ġlieda kontra l-ħin biex ikomplu jinħarġu n-nies minn qalb it-tifrik

L-ekwipaġġ tas-salvataġġ jinsabu fi ġlieda kontra l-ħin biex isalvaw lil dawk il-persuni u/jew familji sħaħ li ntradmu taħt il-bini tad-dar tagħhom kawża tat-terremoti li ħakmu lit-Turkija u s-Sirja.

Dan hekk kif matul il-lejl li għadda, it-temperaturi ffriżati kienu ta’ ostaklu għall-ħidma u l-isforzi tal-ekwipaġġ, tant li komplew jiggravaw is-sitwazzjoni ta’ dawk li għadhom qed jistennew l-għajnuna biex jinħarġu minn qalb it-tifrik tad-djar tagħhom wara li nqabdu hemm waqt l-irqad kaġun tat-terremoti.

Huwa stmat li t-terremoti tal-bieraħ ħasdu l-ħajja ta’ iktar minn 5,000 persuna filwaqt li hemm eluf ta’ persuni midruba u oħrajn li sfaw mingħajr saqaf fuq rashom f’din il-kesħa qalila tax-xitwa fit-Turkija u s-Sirja.

Barra minn hekk, dawn it-terremoti kienu l-kaġun tal-qerda ta’ blokok ta’ appartamenti sħaħ kif ukoll tat-tiġrif ta’ għadd ta’ sptarijiet.

Ekonomija

Sport