Friday, December 13, 2024

Aġġornat: “Qed tittieħed kull azzjoni neċessarja fir-rigward tal-vittma kif ukoll tal-aggressuri” – Clifton Grima

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara li llum inxtered filmat fejn fih tidher tifla ta’ 12-il sena tiġi msawta minn grupp ta’ studenti bil-ponn u bis-sieq, kienu ħafna dawk il-ġenituri li esprimew numru ta’ reazzjonijiet fosthom diżgust, xokk, rabja iżda fuq kollox tħassib.

Fil-filmat jinstema għadd ta’ tgħajjir fil-konfront ta’ din it-tifla hekk kif tidher tiġi bullied.

Tipprova tiddefendi ruħha sakemm ikollha ċċedi hekk kif grupp ta’ studenti jispiċċa jagħtu s-salt fuqha u saħansitra tispiċċa biex taqla swat kemm bil-ponn kif ukoll bis-sieq.

B’reazzjon għall-filmat, l-MUT qalet li l-inċident seħħ ġimagħtejn ilu u seħħ wara l-ħin tal-iskola u mhux fil-viċinanzi tal-iskola. L-iskola ġiet infurmata dakinhar tal-inċident u ħadet l-azzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż li tinvolvi s-Servizzi għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Pulizija. Matul l-aħħar ġimagħtejn, edukaturi u persunal speċjalizzat komplew isegwu l-inċident mal-istudenti involuti.

L-MUT ikkundannat l-azzjonijiet kollha ta’ bullying, kemm jekk isiru fl-iskola jew xi mkien ieħor, u tappoġġja lill-edukaturi biex jadottaw approċċ ta’ tolleranza żero f’każijiet bħal dawn.

Intant, ma naqsux għadd kbir ta’ messaġġi fuq il-midja soċjali b’mod speċjali minn ġenituri fejn saħqu dwar il-bżonn ta’ aktarr dixxiplina, kemm fl-iskejjel u kemm fuq barra għax qalu li sfortunatament affarijiet bħal dawn jaf ikomplu jiżdiedu jekk ma jkunx hawn biżżejjed infurzar.

Persuna oħra qalet: “Povra vittma li tgħaddi minn taħt idejn dawn it-tfal li għandhom bżonn ħafna għajnuna biex jaraw għalfejn qed jġibu ruħhom b’dan il-mod. Proset lill-kulleġġ talli ħadu passi kif xieraq għax ħadd ma jixraqlu dak li għamlu dawn it-tfal.”

Persuna oħra qalet: “Tifla immarkata għal għomorha mhux biss mid-daqqiet imma fil-moħħ! Jgħaddi kemm jgħaddi żmien dik it-tifla din tibqa’ tiftakarha inkluż min kien imdawwar hemm u ma għamel xejn.”

Intant, tkellem ukoll il-Ministru għall-edukazzjoni Clifton Grima fejn iddeskriva l-filmat bħala wieħed inaċċettabbli għaliex l-aġir imur kontra l-prinċipji kollha li nemmnu fihom.

Huwa qal: “Nikkundanna kull forma ta’ vjolenza jew bullying u qed tittieħed kull azzjoni neċessarja fir-rigward tal-vittma kif ukoll tal-aggressuri.”

Żied jgħid: “Għalkemm l-inċident iffilmjat juri episodju li seħħ ġimgħat ilu ‘l bogħod mill-iskola, il-ministeru b’mod immedjat ħa azzjoni fejn permezz tal-amministrazzjoni tal-kulleġġ saret talba lill-awtoritajiet biex ikun hemm preżenza u sorveljanza fl-akkwati fejn seħħ l-inċident fil-ħin ta’ wara l-iskola.”

Ekonomija

Sport