Tliet persuni rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 f’dawn l-aħħar 24 siegħa mill-1,137 test li saru. Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat l-aġġornament dwar il-każi ta’ persuni li ġew infettati bil-coronavirus f’pajjiżna. Bit-tliet każi tal-lum, it-total kumplesiv tal-każi f’Malta u għawdex jammonta għal 489.
Il-Professur Gauci nnotat li matul dawn l-aħħar sigħat sitt persuni oħrajn fiequ mill-virus, biex b’hekk it-total ta’ persuni li fiequ jammonta għal 419.
Meta wieħed iqis il-persuni li fiequ, u dawk li sfaw vittma tal-virus, jirriżulta li għad baqa’ 65 każ attiv f’pajjiżna.
Il-każi:
- Mara Maltija ta’ 27 sena li żviluppawlha sintomi tal-Covid-19 nhar il-5 ta’ Mejju li għadda. Jumejn wara hija kellha nuqqas ta’ xamm u mit-test irriżultat pożittiva. Minn testijiet li saru lil binha dan ukoll irriżulta pożittiv. Kemm il-mara u kif ukoll binha kienu fi kwarantina minħabba li kienu ġew f’kuntatt ma’ persuna oħra li kienet reġistrata bħala pożittiva għall-coronavirus. Dawn iż-żewġ każi għaldaqstant huwa rintraċċabbli għal cluster ta’ persuni li kienu qed juru sintomi tal-marda, bit-trasmissjoni ssir fuq il-post tax-xogħol.
- Il-każ l-ieħor huwa dak ta’ raġel Għawdxi ta’ 34 sena, li rriżulta pożittiv mill-enhanced testing li qed isir mill-awtoritajiet tas-saħħa. Ir-raġel ma kellu l-ebda sintomi fil-ħin li sarlu t-test. Huwa qed jinżamm f’iżolament, b’dawk li ġew f’kuntat miegħu wkoll jinżammu fi kwarantina. Minkejja li huwa kien qed imur għax-xogħol, huwa ma kellu l-ebda kuntatt ieħor ma’ nies oħrajn fuq il-post tax-xogħol tiegħu.