Friday, December 13, 2024

Aġġornat: Tliet persuni jinżammu arrestati wara sejba ta’ 5kg kokaina li tammonta għal €600,000

Il-Pulizija tkisser ċirku internazzjonali ta' traffikar ta' droga

Aqra wkoll

Ġimgħat ta’ investigazzjonijiet intensivi u osservazzjonijiet bir-reqqa fuq persuni wasslu lill-Pulizija biex tkisser ċirku internazzjonali ta’ traffikar ta’ droga. Fil-fatt, il-Pulizija mill-Iskwadra kontra d-Droga waslu biex jarrestaw tliet persuni b’konnessjoni ma’ sejba ta’ 5 kilogrammi ta’ kokaina li l-valur tagħha fis-suq jammonta għal €600,000.

L-ewwel arrest kien ta’ tfajla Spanjola ta’ 20 sena mal-wasla tagħha fl-ajruport internzzjonali ta’ Malta. Hija ġiet minn Madrid u instab li kellha fil-pussess tagħha sustanza li aktarx kienet kokaina.

Il-Pulizija komplew bil-ħidma tagħhom matul il-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd u wara osservazzjonijiet fuq raġel ta’ 30 sena mill-Veneżwela, li wkoll kien għadu kif wasal Malta minn Madrid, ġie arrest mal-wasla tiegħu f’appartament fl-Imsida.

Nhar il-Ħadd li għadda l-Pulizija ffukaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq lukanda f’San Ġiljan minn fejn arrestaw raġel Spanjol ta’ 38 sena li wkoll instab fil-pussess ta’ iktar droga kokaina.

It-tliet persuni – il-Veneżwelan Leonardo Jose Marquez Uzcategui sena u l-Ispanjoli Meiby Jazmin Ramirez Gomez u Jose Angel Hernandez Perez – tressqu l-Qorti llum fejn wieġbu mhux ħatja li importaw madwar ħames kilogrammi kokaina u li kienu fil-pussess tad-droga.

Huma baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tagħhom. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-imputati. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Mercieca u Melvin Zammit. 

Ekonomija

Sport