Friday, April 19, 2024

Masterpieces at MUŻA: Id-dinja ħiemda fejn titkellem biss il-pittura

Pass wieħed biss li minn kamra jieħdok f’oħra hu biżżejjed biex tħossok maqtugħ għalkollox mill-għagħa u l-geġwiġija tal-belt kapitali u tidħol f’dinja ħiemda fejn minn ħitan ta’ damask aħmar donnhom isegwuk b’għajnejhom għadd ta’ personaġġi immortalizzati għal dejjem taħt id-daqqiet tal-pinzell fuq it-tila jew l-injam. Din hija d-dinja meraviljuża ta’ ‘Masterpieces at MUŻA’, wirja bi tlettax-il kapolavur ta’ artisti kbar minn kollezzjoni privata internazzjonali li ġew mislufa għal perjodu twil lill-Mużew Nazzjonali tal-Arti, MUŻA, sabiex jitgawdew mill-pubbliku.

Il-wirja se tibqa’ għaddejja sal-aħħar ta’ Ottubru. Fi tmiemha, il-pitturi se jiġu integrati fil-MUŻA għall-ħames snin li ġejjin, u possibbilment għall-ħames snin ta’ wara wkoll. Dawn ix-xogħlijiet imorru lura għal bejn tmiem is-seklu 15 u nofs is-seklu 18 u fil-wirja huma mqassmin f’ħames sezzjonijiet biex b’hekk joffru esperjenza tematika. Is-sezzjonijiet differenti huma: Quddiem ir-Ritratti, L-Omm u t-Tarbija, Passjoni u Devozzjoni, Il-Mitoloġija Griega fl-Arti, u n-Natura Qerrieda.

“F’termini artistiċi, din il-wirja hija ċelebrazzjoni tal-idjoma armonjuża tar-Rinaxximent Għoli, influwenzata minn artisti kbar bħal Raffaello, Michelangelo u Leonardo da Vinci.”

Tagħti ġieħ ukoll lil artisti ta’ fama dinjija bħal Giovanni Baglione, Claude-Joseph Vernet u François Boucher, rappreżentati mill-pitturi tagħhom bi stil Barokk teatrali u stil Rokoko estravaganti.

Konsiderazzjonijiet dwar attribuzzjonijiet tax-xogħlijiet tal-arti mhux dejjem ikunu faċli. Spiss joffru sfidi u ħafna drabi jibqgħu dibattibbli. Fl-attribuzzjonijiet proposti f’din il-wirja, Heritage Malta bbażat il-konsiderazzjonijiet tagħha primarjament fuq ir-rapporti tekniċi u xjentifiċi li għamlu diversi esperti u professjonisti indipendenti mqabbda mill-kollezzjonist u sid l-opri. Għaldaqstant, minbarra li tiċċelebra l-wiri ta’ xogħlijiet mill-isbaħ, din il-wirja toffri l-opportunità li wieħed jifhem kunċetti bażiċi bħall-attribuzzjonijiet, il-kompożizzjoni, il-linja, il-kulur, id-dawl, is-simboliżmu, il-kuntest u elementi oħra importanti fl-apprezzament tal-arti.

‘Masterpieces at MUŻA’ qed tieħu l-aċċessibbiltà f’livelli ġodda, billi tipprovdi opportunità unika li wieħed japprezza tlettax-il kapolavur taħt saqaf wieħed. Din hija wkoll l-ewwel darba li ħafna minn dawn ix-xogħlijiet qed jiġu esebiti fi żmien twil ħafna – fil-fatt tnejn biss minnhom intwerew f’mużewijiet f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Quddiem ir-Ritratti

Fit-taqsima ‘Quddiem ir-Ritratti’ nsibu żewġ pitturi – ‘Ritratt ta’ Tfajla Żagħżugħa’, attribwita lil Giovanni Bellini (Venezja, c.1430-1516) u ċ-ċirku tiegħu, u ‘Ritratt ta’ Pietro Soderini’, ta’ artist Fjorentin mhux magħruf.

Mitluba minn dawk fil-poter, ordnati mill-għonja u mfittxija mill-kollezzjonisti, ir-ritratti mpittrin ilhom għal sekli sħaħ jaqbdu fuq it-tila l-karatteristiċi fiżiċi u morali ta’ rġiel, nisa u tfal matul ħajjithom u wara mewthom. Fi żmien meta l-fotografija kienet għadha ma teżistix, ir-ritratti mpittrin kienu jaqdu diversi funzjonijiet importanti. Permezz tagħhom, il-ħakkiema ddokumentaw ir-rebħiet tagħhom, in-nobbli gglorifikaw lil missirijiethom biex jiġġustifikaw il-pożizzjonijiet tagħhom, u l-patruni ta’ kummissjonijiet reliġjużi ddikjaraw il-fidi tagħhom flimkien mal-ħila u x-xewqa li jħallsu għax-xogħlijiet tal-arti.

Pietro Soderini kien politikant minn Firenze u ambaxxatur għar-renju Franċiż mill-1493. F’dan ir-ritratt, Soderini hu rappreżentat kemxejn imġenneb filwaqt li jħares direttament lejn l-ispettatur. Aktar milli rappreżentazzjoni realistika li tqaxxar lil Soderini sal-anqas dettall, dan hu ritratt tipiku tar-Rinaxximent Taljan, fejn l-għan ewlieni hu li jiddokumenta għall-posterità dimensjoni aktar umana tal-individwu. L-isfond skur, nieqes minn kull tip ta’ pajsaġġ, hu effettiv ħafna biex l-artist iressaq lis-suġġett aktar qrib l-ispettatur filwaqt li jenfasizza n-natura riflessiva tiegħu.

‘Ritratt ta’ Pietro Soderini’ - Artist Fjorentin mhux magħruf (mit-taqsima ‘Quddiem ir-Ritratti’)
‘Ritratt ta’ Pietro Soderini’ – Artist Fjorentin mhux magħruf (mit-taqsima ‘Quddiem ir-Ritratti’)

L-id li pittret dan il-kwadru mhix magħrufa, iżda din l-opra hi attribwita lill-iskola Rinaxximentali ta’ Firenze – moviment artistiku mill-aktar importanti li ffjorixxa fl-Italja bejn is-sekli 13 u 16. Ir-Rinaxximent ta’ Firenze hu meqjus minn bosta bħala l-punt tat-tluq tal-arti moderna fl-Ewropa.

Ix-xebh fiżiku mhux dejjem kien l-għan ewlieni tar-ritratti mpittrin. L-artisti kienu ‘jbiddlu’ d-dehra ta’ dak li jkun biex jenfasizzaw karratteristiċi fiżiċi, psikoloġiċi jew soċjali partikolari tiegħu. Għalhekk ir-ritratti jistgħu jiġu interpretati f’termini ta’ individwalizzazzjoni, idealizzazzjoni u karatterizzazzjoni. L-idealizzazzjoni hi l-proċess li permezz tiegħu l-artist jimponi fuq il-persuna li jkun qed ipitter uħud mill-ideali tiegħu dwar is-sbuħija, u dan sabiex itejjeb dak li hu reali.

Dan jidher ċar ħafna fil-pittura ‘Ritratt ta’ Tfajla Żagħżugħa’, fejn it-tfajla tar-ritratt hija idealizzata b’mod li tassumi konnotazzjonijiet allegoriċi. Fil-fatt, bosta storiċi tal-arti jaraw f’din il-pittura rappreżentazzjoni allegorika tal-kastità kif simbolizzata mill-perli li liebsa ż-żagħżugħa.

Dan ir-ritratt ottagonali, li juri tfajla eleganti u bla tbissima tħares dritt quddiemha, imur lil hinn minn dak li hu viżibbli. Fil-fatt, aspett interessanti ħafna ta’ din il-pittura hu li analiżi xjentifika ta’ dan il-kwadru kixfet tpinġija ta’ tfajjel fuq in-naħa ta’ wara. X’aktarx li dan jindika li possibbilment din il-pittura kienet oriġinarjament maħsuba li tkun ritratt doppju.

L-Omm u t-Tarbija

Taqsima oħra tal-wirja hija ‘L-Omm u t-Tarbija’, fejn hemm erba’ pitturi – ‘Il-Madonna u l-Bambin ma’ San Ġwann il-Battista ż-żgħir u Anġlu f’Pajsaġġ’, ta’ Maestro Tommaso (attiv 1490-1510) u Lorenzo di Credi (Firenze, 1459-1537) [?]; ‘Il-Madonna u l-Bambin ma’ San Ġwann Battista ż-Żgħir’, attribwita lil Leonardo da Vinci (Anchiano, 1452-Amboise, 1519) u ċ-ċirku tiegħu; ‘Il-Madonna tal-Imħabba Divina’, attribwita lil Raffaello Sanzio (Urbino, 1483-Ruma, 1520) u l-bottega tiegħu; u ‘Il-Madonna u l-Bambin’, minn Skola Milaniża (Studju ta’ Leonardo da Vinci, Anchiano, 1452-Amboise, 1519).

Din it-tema tal-Madonna u l-Bambin, popolari ħafna fl-Arti Kristjana, tiġbor flimkien erba’ pitturi fuq l-injam maħsuba għall-qima f’kappelli tal-familja u fi spazji privati. L-idea tal-Verġni Marija mal-Bambin Ġesù tmur lura għaż-żmien tal-Arti Biżantina fejn ir-rwol ta’ Marija bħala t-‘Theotokos’ (‘Ir-Reffiegħa t’Alla’) kienet ġiet stabilita fl-431 WK, wara l-Kunsill ta’ Efesu. Artisti Medjevali u Rinaxximentali mxew skont id-domanda dejjem tikber għar-rappreżentazzjonijiet tal-Madonna u l-Bambin hekk kif baqgħet tiżdied id-devozzjoni lejn din it-tema reliġjuża.

Permezz ta’ varjetà għanja ta’ simboli u figuri Bibliċi jew divini, ix-xbieha tal-Madonna nbidlet minn dik stilizzata tar-Reġina tas-Sema għal omm iżjed umana, żagħżugħa u umli, kif jixdhu l-erba’ pitturi f’din it-taqsima. Il-Bambin ukoll jixbah lil kwalunkwe tarbija normali u b’saħħitha, imbaċċaċ u medhi fil-logħob, waqt li r-raġġiera u l-ġest ta’ tberik ifakkru fid-divinità tiegħu.

‘Il-Madonna u l-Bambin ma’ San Ġwann il-Battista ż-żgħir u Anġlu f’Pajsaġġ’ - Maestro Tommaso u Lorenzo di Credi [?] (mit-taqsima ‘L-Omm u t-Tarbija’)
‘Il-Madonna u l-Bambin ma’ San Ġwann il-Battista ż-żgħir u Anġlu f’Pajsaġġ’ – Maestro Tommaso u Lorenzo di Credi [?] (mit-taqsima ‘L-Omm u t-Tarbija’)

‘Il-Madonna u l-Bambin ma’ San Ġwann il-Battista ż-żgħir u Anġlu f’Pajsaġġ’ hija biċċa xogħol ta’ tmiem is-seklu 15 jew il-bidu tas-seklu 16, maħduma biż-żejt u t-tempra fuq l-injam. Dan it-tondo jista’ jkun ta’ Maestro Tommaso, li għal żmien twil studja u ħadem fil-bottega tal-pittur u l-iskultur Fjorentin, Lorenzo di Credi. L-istil tiegħu tant qarreb lejn dak tal-imgħallem tiegħu li huwa spiss diffiċli li wieħed jiddistingwi xogħolhom, bħal fil-każ tal-pittura f’din il-wirja. Fil-fatt, din il-biċċa xogħol setgħet faċilment kienet il-frott ta’ kollaborazzjoni bejn Lorenzo di Credi u Maestro Tommaso.

San Ġwann Battista jidher ukoll fil-pittura ‘Il-Madonna u l-Bambin ma’ San Ġwann Battista ż-Żgħir’, attribwita lil Leonardo da Vinci (Anchiano, 1452-Amboise, 1519) u ċ-ċirku tiegħu. Din il-pittura hija bla dubju prodott tar-Rinaxximent fl-aqwa tiegħu, meta l-interess imġedded fid-dinja naturali laħaq il-qofol tiegħu u l-artisti kienu jesprimu l-kurżità tagħhom dwar in-natura billi jsebbħu l-isfondi tan-narrattivi reliġjużi tagħhom b’pajsaġġi mogħnija fi fjuri, pjanti u elementi ġeoloġiċi. Bosta kienu l-esperti li studjaw din il-pittura u mhux dejjem qablu fuq kemm Leonardo da Vinci kellu x’jaqsam b’mod dirett jew indirett fl-eżekuzzjoni tagħha. M’hemmx dubju, iżda, li l-artist kien kompetenti sew fil-metodi artistiċi ta’ Da Vinci.

“Din il-wirja toffri l-opportunità li wieħed jifhem kunċetti bażiċi bħall-attribuzzjonijiet, il-kompożizzjoni, il-linja, il-kulur, id-dawl, is-simboliżmu, il-kuntest u elementi oħra importanti fl-apprezzament tal-arti.”

Pittura oħra f’din it-taqsima, ‘Il-Madonna tal-Imħabba Divina’, inħadmet biż-żejt u t-tempra fuq l-injam fis-seklu 16 u hija attribwita lil Raffaello Sanzio u l-bottega tiegħu. Studji riċenti li involvew eżamijiet xjentifiċi mhux invażivi żvelaw ċerti karrateristiċi taħt is-saffi taż-żebgħa li huma marbutin mal-bottega ta’ Raffaello. Fosthom hemm il-linji li fasslu t-tpinġija tal-bidu nett biex fuqha jimxi l-pittur. Din il-karatteristika tista’ tissuġġerixxi s-sehem dirett ta’ Raffaello, anke jekk dan is-sehem seta’ kien żgħir billi jidher li fil-parti l-kbira dan ix-xogħol sar minn wieħed mill-istudenti tiegħu. Għalkemm is-suġġeriment dwar il-parteċipazzjoni ta’ Raffaello għad hemm riservi dwaru, ma hemm l-ebda dubju li l-kwalità superjuri tal-eżekuzzjoni hija turija ta’ artist bravu ħafna li studja u ġie influwenzat mill-imgħallem il-kbir tar-Rinaxximent Taljan, Raffaello Sanzio.

Ir-raba’ pittura f’din it-taqsima hija ‘Il-Madonna u l-Bambin’ tal-Iskola Milaniża (Studju ta’ Leonardo da Vinci). Għalkemm l-artist ta’ din il-pittura mhuwiex magħruf, hemm probabbiltà kbira li kellu konnessjoni mal-Iskola Milaniża, li kienet imsaħħra mill-innovazzjonijiet artistiċi ta’ Leonardo da Vinci, li kien ħadem f’Milan lejn tmiem is-seklu 15. It-trattament lixx tax-xagħar, id-drappeġġ u l-ġilda f’din il-pittura huwa mmudellat permezz tal-użu delikat tat-teknika tal-‘isfumato’ u dik tal-‘chiaroscuro’, bla dubju evidenza ta’ artist bravu ħafna.

Passjoni u Devozzjoni

Il-wirja tkompli bit-taqsima ‘Passjoni u Devizzjoni’, li toffri erba’ pitturi oħra – ‘Ecce Homo’ ta’ Andrea Solario (Milan, c. 1465-qabel l-1524) u ċ-ċirku tiegħu; ‘San Ġwann il-Battista’ ta’ Giovanni Baglione (Ruma, 1566-1643); ‘San Ġwann il-Battista’, miċ-ċirku ta’ Leonardo da Vinci (Anchiano, 1452-Amboise, 1519); u ‘Kruċifissjoni’, ta’ Peter Paul Rubens (Ġermanja, 1577-Belġju, 1640) u l-bottega tiegħu.

Fl-arti Ewropea, xbihat reliġjużi ilhom suġġetti popolari għal sekli sħaħ. Pitturi li juru episodji mill-Bibbja kienu jservu biex jgħallmu lil dawk li ma kinux jafu jaqraw. Aktar importanti minn hekk, pitturi u skulturi bħal dawn kienu mezz qawwi kif iqanqlu emozzjonijiet profondi fil-fidili.

L-erba’ pitturi f’din it-taqsima jirrappreżentaw żewġ temi importanti fl-arti reliġjuża – il-Passjoni ta’ Kristu u d-devozzjoni lejn il-qaddisin, speċifikament San Ġwann il-Battista. Peress li jmorru lura għall-perjodu Rinaxximentali u dak Barokk, dawn juru kemm it-temi reliġjużi ma jmutu qatt.

‘Ecce Homo’ hija pittura ta’ Andrea Solario (Milan, c. 1465-qabel l-1524) u ċ-ċirku tiegħu. L-‘Ecce Homo’ kien suġġett komuni ħafna fl-Italja Rinaxximentali tal-aħħar tas-seklu 15 u l-bidu tas-seklu 16, u baqa’ popolari fl-istorja tal-arti. Pitturi żgħar fuq l-injam bħal din kienu jiġu kkummissjonati jew mixtrijin minn Insara devoti biex jitgawdew fil-privat. Andrea Solario kien magħruf għal dan it-tip ta’ pitturi devozzjonali żgħar. Għamel numru ta’ verżjonijiet tal-‘Ecce Homo’ li ispiraw ħafna kopji u varjazzjonijiet. L-istil ta’ Solario kien ispirat mill-kompożizzjoni u t-teknika ta’ Leonardo da Vinci, mix-xogħol ta’ Antonello da Messina li ra f’Venezja, kif ukoll mill-għarfien tal-arti Fjamminga.

‘Kruċifissjoni’ - Peter Paul Rubens u l-bottega tiegħu (mit-taqsima ‘Passjoni u Devozzjoni’)
‘Kruċifissjoni’ – Peter Paul Rubens u l-bottega tiegħu (mit-taqsima ‘Passjoni u Devozzjoni’)

‘San Ġwann il-Battista’ hija pittura oħra li ssebbaħ lil din it-taqsima, iffirmata u datata ‘G. Baglione AD 1600’ lejn in-nofs fin-naħa t’isfel. Din l-attribuzzjoni ġiet ikkonfermata mill-istoriku Amerikan tal-arti, Keith Christiansen. Giovanni Baglione kien pittur importanti f’Ruma fis-seklu 17. Waqt li fil-bidu kien ipitter fi stil Manjerist, għall-bidu tas-seklu 17 Baglione ġie influwenzat mill-Caravaggisti, kif jixhdu xogħlijiet bħal ‘San Ġwann il-Battista’. Fil-fatt, din il-pittura hija ispirata mir-rappreżentazzjonijiet ta’ rġiel żgħażagħ bħala mudelli li kien ipitter Caravaggio fix-xogħlijiet bikrin tiegħu. Baglione juża n-naturaliżmu ta’ Caravaggio, imma mhux għalkollox it-tenebriżmu tiegħu. Fil-kulur, speċjalment fl-użu tal-aħmar jgħajjat, din il-pittura xorta turi traċċi ta’ Manjeriżmu.

‘San Ġwann il-Battista’ – Ċirku ta’ Leonardo da Vinci (mit-taqsima ‘Passjoni u Devozzjoni’)
‘San Ġwann il-Battista’ – Ċirku ta’ Leonardo da Vinci (mit-taqsima ‘Passjoni u Devozzjoni’)

Pittura oħra f’din it-taqsima wkoll iġġib l-istess isem ta’ ‘San Ġwann il-Battista’. Din, iżda, tpittret minn artist fiċ-ċirku ta’ Leonardo da Vinci (Anchiano, 1452-Amboise, 1519). Din il-pittura biż-żejt fuq l-injam tal-ġewż, li tirrappreżenta lill-qaddis li għammed lil Kristu, hija marbuta ħafna max-xogħol famuż tal-istess suġġett ta’ Leonardo da Vinci ġewwa l-Louvre. Għalkemm ftit akbar, il-pittura fil-Louvre – ukoll fuq l-injam tal-ġewż – bla dubju serviet bħala mudell għall-pittura li qed tiġi esebita f’MUŻA. Peress li kien ħadem fiċ-ċirku ta’ Leonardo da Vinci, huwa ċar li l-artist ta’ din il-pittura kien jaf sew kif jikkontrolla t-teknika tal-‘isfumato’ u tal-‘chiaroscuro’ li da Vinci kien irnexxielu jilħaq fih livelli insuperabbli għal żmienu.

Ir-raba’ pittura fit-taqsima ddedikata lill-Passjoni u d-Devozzjoni hija ‘Kruċifissjoni’ ta’ Peter Paul Rubens u l-bottega tiegħu. Rubens huwa l-iżjed pittur importanti tal-Barokk Fjamming. Aktarx li din il-biċċa xogħol hija l-pittura ċentrali tal-parti t’isfel, magħrufa bħala predella, tal-pittura tal-‘Qabda Mirakoluża tal-Ħut’ fil-Knisja tal-Madonna tul ix-Xmara Dijle ġewwa Mechelen. Dan it-trittiku kien impitter minn Rubens fl-1618-1619 fuq kummissjoni minn xirka ta’ sajjieda. It-trittiku u l-predella, li kienu jinkludu żewġ pitturi oħra, baqgħu fil-knisja sal-1794, meta ttieħdu mill-Franċiżi u ntbagħtu Pariġi. Fl-1815 it-trittiku ntradd lura lill-knisja f’Mechelen filwaqt li ż-żewġ pitturi l-oħra tal-predella sabu posthom fil-Musée des Beaux-Arts ta’ Nancy, fejn għadhom sal-lum. Il-pittura ċentrali, jiġifieri l-‘Kruċifissjoni’ esebita f’din il-wirja, kienet meqjusa bħala mitlufa.

Il-Mitoloġija Griega fl-Arti

Żewġ pitturi oħra intriganti ħafna jinsabu fit-taqsima ‘Il-Mitoloġija Griega fl-Arti’. Dawn huma ‘Leda u ċ-Ċinju’, wara Michelangelo Buonarroti (Caprese Michelangelo, 1475-Ruma, 1564), u ‘Pan u Syrinx’ ta’ François Boucher (Pariġi, 1703-1770).

Il-mitoloġija Griega kienet rappreżentata fl-arti sa minn żmien iċ-ċiviltà ta’ Miċene (1600 – 1100 QK) u ispirat lil għadd ta’ artisti biex jesploraw l-umaniżmu u l-iżviluppi tiegħu. Il-mitoloġija ħadet diversi forom matul iż-żmien, mir-rappreżentazzjoni tas-sbuħija għal dik tal-allat u eroj li kienu murija bħala figuri idealizzati u li fil-proporzjonijiet kważi perfetti tagħhom saru l-qofol tal-filosofija estetika. Dawn ir-rappreżentazzjonijiet intużaw ukoll biex jonoraw lill-allat Griegi billi juru l-oriġini u d-divinità tagħhom.

Fil-qalba tal-Ewropa Kristjana u matul ir-Rinaxximent fis-seklu 16, l-artisti bdew jisiltu ġrajjiet skandalużi mill-mitoloġija klassika u japplikawhom għall-prinċipji kurrenti tagħhom. Il-prattika Rinaxximentali ssoktat it-tradizzjoni kulturali ta’ ġenerazzjonijiet ta’ miti Griegi, iżda fl-istess waqt nibtu kunċetti ġodda, bħal pitturi fuq il-ħitan jew fuq uċuħ kbar imdawrin bi gwarniċ. Xeni ewlenin tpittru fin-narrattiva familjari tagħhom, iżda kienet tispikka l-forma fiżika tal-figuri u l-qawwa li kienet tirrappreżenta.

‘Pan u Syrinx’ - François Boucher (mit-taqsima ‘Il-Mitoloġija Griega fl-Arti’)
‘Pan u Syrinx’ – François Boucher (mit-taqsima ‘Il-Mitoloġija Griega fl-Arti’)

‘Leda u ċ-Ċinju’ hija eżempju ta’ dan. Din hija pittura tas-seklu 16, ‘wara’ Michelangelo Buonarroti (1475-1564). It-terminu ‘wara’ jfisser li l-pittura hija imitazzjoni aktar tard tax-xogħol oriġinali ta’ Michelangelo nnifsu. Michelangelo – skultur, perit, pittur u artist tar-Rinaxximent Tardiv minn Firenze – studja l-iskulturi Griegi u l-mitoloġija Griega u spiss inkorpora dawn l-elementi fix-xogħol tiegħu.
Din il-pittura partikolari ta’ ‘Leda u ċ-Ċinju’ hija waħda minn diversi verżjonijiet tal-laqgħa tar-Reġina Leda ma’ Zeus, l-alla Olimpiku tas-sema u tar-ragħad, li hu moħbi bħala ċinju. Il-pittura tixhed tendenzi Manjeristi jew tar-Rinaxximent Tardiv, bit-tidwir u t-tiġbid tal-figura, magħruf bħala ‘figura serpentinata’. Michelangelo kien influwenzat ħafna mill-istil tal-‘figura serpentinata’, li juri figuri f’pożizzjonali spirali.

It-tieni pittura f’din it-taqsima hija ‘Pan u Syrinx’, ta’ François Boucher (Pariġi, 1703-1770). François Boucher kien artist Franċiż li x-xogħol tiegħu għen fil-bidu u fl-iżvilupp tal-istil Rokoko. Dan l-istil jinkorpora tiżjin delikat u dekorattiv kemm fl-arti kif ukoll fl-arkitettura u fih rappreżentazzjonijiet elaborati ornamentali u teatrali. Ir-Rokoko huwa deskritt ukoll bħala l-espressjoni finali tal-moviment Barokk.
Hekk kif il-karriera ta’ Boucher bħala pittur bdiet tiffjorixxi, huwa beda jiffoka fuq pitturi kbar b’xeni mill-mitoloġija Griega, fosthom l-istorja ta’ Pan u Syrinx fejn huwa ħoloq għadd ta’ varjazzjonijiet ta’ dan il-mit. Il-pittura tiegħu dwar Pan u Syrinx tikkaratterizza kemm l-istil tiegħu kif ukoll l-illustrazzjoni Rokoko ta’ lwien pastelli b’tundjaturi ġentili li jindikaw sensittività u rtubija f’din ix-xena.

In-Natura Qerrieda

L-aħħar pittura tal-wirja nsibuha fit-taqsima ‘In-Natura Qerrieda’, fejn għandna l-ġmiel sublimi ta’ ‘It-Tempesta’, iffirmata minn Claude-Joseph Vernet (Avignon, 1714-Pariġi, 1789). Din il-pittura, datata 1751, hija xogħol biż-żejt fuq it-tila minn wieħed mill-pitturi Franċiżi ewlenin tal-pajsaġġi tas-seklu 18. Din il-pittura saret fl-istess sena li Vernet mar lura Franza wara li qatta’ għoxrin sena l-Italja, jirfina ħilietu fil-pittura tal-pajsaġġ u jsaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu bħala artist ta’ pajsaġġi tal-baħar.

‘It-Tempesta’ - Claude-Joseph Vernet (mit-taqsima ‘In-Natura Qerrieda’)
‘It-Tempesta’ – Claude-Joseph Vernet (mit-taqsima ‘In-Natura Qerrieda’)

Vernet kien iddeċieda li jivvjaġġa lejn Ruma biex jistudja disinjaturi tal-pajsaġġ u artisti marittimi. Matul iż-żmien tiegħu f’Ruma, huwa mhux biss iffoka fuq pitturi topografiċi u pajsaġġi paċifiċi, iżda wkoll eċċella f’xeni ta’ ljieli fid-dawl tal-qamar kif ukoll maltempati, u sar magħruf l-aktar għall-veduti tiegħu tal-portijiet Mediterranji.

Fil-pitturi tiegħu Vernet ħafna drabi jippreżentalna kompożizzjonijiet pittoreski u armonjużi. Xogħlu huwa dettaljat ħafna u jinkludi diversi elementi naturali li jesprimu xeni ta’ sbuħija u grazzja raffinata, saħansitra b’elementi li xi drabi jqanqlu ċerta diqa.

F’‘It-Tempesta’, l-elementi jqanqlu sensazzjoni li twaħħax, bħallikieku l-ispettatur stess huwa parti mill-avvenimenti sfortunati. Vernet jirnexxilu jagħmilna preżenti, parti minn dan l-ispettaklu sublimi. Iġegħilna nħossuna ansjużi, eċċitati u kważi fi stat ta’ aġitazzjoni waqt li nippruvaw niżvolġu dak kollu li hu preżenti.

“Din hija l-ewwel darba li ħafna minn dawn ix-xogħlijiet qed jiġu esebiti fi żmien twil ħafna – fil-fatt tnejn biss minnhom intwerew f’mużewijiet f’dawn l-aħħar għaxar snin.”

‘It-Tempesta’ u pitturi oħra ta’ pajsaġġi minn Claude-Joseph Vernet juru l-qawwa u l-forza tan-natura meta mqabbla mal-umanità. Dak li huwa affaxxinanti dwar Vernet huwa l-ħila tiegħu li jmur minn atmosferi kalmi għal atmosferi ta’ qerda u twegħir.

Għal aktar tagħrif dwar il-wirja ‘Masterpieces at MUŻA’, inkluż il-ħinijiet tal-ftuħ u l-prezzijiet tal-biljetti, żur is-sit muza.mt. MUŻA huwa proġett parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020

Aqra Wkoll