Diversi jottijiet spiċċaw meqrudin għalkollox wara li nirien qawwija ħakmuhom hekk kif kienu marbutin mal-pontoon tal-Imġarr Għawdex. Dan il-każ seħħ dalgħodu, għall-ħabta tal-3.45 a.m. fejn l-uffiċjali mit-Taqsima tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa biex jassistu.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li żewġt irġiel, wieħed ta’ 29 sena, residenti l-Mellieħa u l-ieħor ta’ 34 sena,
residenti Għajnsielem, sofrew xi ġrieħi kawża tan-nirien u dħaħen li belgħu. Fuq il-post ġew imsejħa l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu.
Iż-żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex permezz ta’ ambulanza fejn aktar tard ir-raġel ta’ 34 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji filwaqt li l-ieħor qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Il-Maġistrat tal-għassa Dr Bridgette Sultana ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Ritratti: Stephen Cordina/ Paul Thomas Caruana