Tuesday, April 30, 2024

AĠĠORNATA: Grupp ta’ voluntiera jiġbru €15,000 waqt pelleġrinaġġ b’risq Fondazzjoni Sebħ

Aqra wkoll

Għadd ta’ voluntiera, madwar 53 persuna mill-grupp Camini…..amo mxew il-Pellegrinaġġ ta’ San Ġakbu magħruf aħjar bħala l-Camino de Santiago fir-reġjun tal-Galizia, fit-Tramuntana ta’ Spanja. Matul din l-attività nġabret is-somma totali ta’ €15,000 permezz tal-isforzi tal-pellegrini nfushom kif ukoll permezz tal-kuntatti tagħhom. 

Din is-somma se tmur għall-entità tal-Knisja, Fondazzjoni Sebħ, bl-għan ewlieni li jkunu appoġġjati diversi proġetti tal-Fondazzjoni u se jgħinu biex jintlaħqu xi wħud mill-bżonnijiet tat-tfal, żgħażagħ u nisa li jgħixu fir-residenzi tal-fondazzjoni.

Il-motto tal-pellegrinaġġ ta’ din is-sena kien għal darb’oħra ‘Kull Pass Jgħodd’. Dan il-motto jirrifletti l-pellegrinaġġ innifsu li jirrappreżenta simbolikament il-passi ta’ kuljum li jieħdu n-nies f’ħajjithom kif ukoll kull donazzjoni żgħira li tmur lejn il-fondazzjoni fejn kull donazzjoni tgħodd. 

Il-pellegrini mxew il-Camino dos Faros u marru lejn Santiago de Compostela għal distanza totali ta’ 320km biex jattendu Quddiesa fil-Katidral ta’ San Ġakbu li matulha twettqet il-funzjoni tal-Botafumerio għal dawk kollha preżenti. Ir-rotta ta’ 11-il jum ħadet il-pellegrini tul il-kosta sabiħa tat-Tramuntana ta’ Spanja. Il-pellegrini ffaċċjaw diversi tlugħ u nżul u sfidi oħra.

Il-pellegrini kellhom diversi sfidi fosthom ħafna tlajja u nżul ibsin. Fondazzjoni Sebħ  f’isem ir-residenti u l-persuni li jagħmlu użu mis-servizz, tixtieq tesprimi l-gratitudni sinċiera tagħha għall-appoġġ u l-altruwiżmu tal-pellegrini Camini….amo.

Kull min jixtieq jagħti donazzjoni lil Fondazioni Sebħ jista’ jagħmel dan permezz ta’ SMS fuq 50618950 għal €6.99, 50619220 għal €11.65, permezz ta’ PayPal – paypal.me/FondazzjoniSebh jew bil-BOV Pay fuq +356 79375660.

Sport