L-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) qalet li s-sitwazzjoni fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir, il-Belt Valletta, hi waħda kritika, bi kwistjonijiet li għadhom għaddejjin waqt li l-bidu tas-sena skolastika qiegħda dejjem aktar toqrob.
L-MUT qalet li l-iskola qed topera mingħajr liċenzja wara deċiżjonijiet meħuda mir-rettur u l-bord. Qalet ukoll li r-rettur qed jagħti assigurazzjonijiet “foloz” lill-komunità skolastika li t-tħejjijiet għas-sena skolastika l-ġdida jinsabu f’posthom.
Fl-istess waqt, l-unjin qalet li d-deċiżjonijiet tar-rettur fil-ġimgħat li għaddew wasslu għal numru ta’ riżenji ta’ għalliema, LSEs, senior managament team u ħaddiema fl-amministrattiv.
L-MUT qalet li l-ġenituri bir-raġun qed ifittxu assigurazzjonijiet dwar il-ftuħ tas-sena skolastika li jmiss u jidher li qed jieħdu biss “wegħdiet vojta”. “L-MUT fil-fatt hi infurmata li ħafna ġenituri, fil-fatt, qed ifittxu placements għal uliedhom fi skejjel oħra. It-tfal huma sfortunatament dawk li jbatu mid-deċiżjonijiet tar-rettur u l-bord.”
Il-Kulleġġ San Albert il-Kbir jgħid li l-MUT baqgħet m’aċċettatx li tiddiskuti
Min-naħa l-oħra, il-Kulleġġ San Albert il-Kbir innota b’dispjaċir li, minkejja d-diversi attentati għal diskussjoni mal-MUT, bit-tama li tkun riżolta t-tilwima industrijali fl-aħjar interess tal-istudenti u l-istaff, l-MUT sal-ġurnata tal-lum għadha ma laqgħet ebda talba għal laqgħa.
Barra minn hekk, il-Kulleġġ innota illi l-kwistjonijiet dwar il-liċenzja ilhom għaddejjin għal aktar minn sena. Qal li l-amministrazzjoni diġà tkellmet mal-awtoritajiet kompetenti, u din il-problema se tkun riżolta qabel il-ftuħ tas-sena skolastika.
“Saru diversi attentati min-naħa tar-Rettur, u kif ukoll min-naħa tal-Provinċjal, biex it-timetable tkun mgħoddija. Sfortunatament, dawn l-attentati ma ħallewx il-frott mixtieq minħabba d-direttivi tal-Union.”
Il-Kulleġġ temm jgħid li jibqa’ miftuħ għad-diskussjoni mal-MUT sabiex tiġi evitata pressjoni żejda fuq l-istudenti u l-membri tal-istaff.