Xufier ta’ coach iddaħħal l-Isptar Ġenerali t’Għawdex wara li aktar kmieni kien involut f’inċident li seħħ fit-Telgħa ta’ Xħajma fin-Nadur.

Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li għall-ħabta tat-8:00 a.m, coach misjuqa minn raġel ta’ 67 sena residenti r-Rabat Għawdex kienet spiċċat f’għalqa li hemm taħt it-triq imsemmija. Jidher li fil-mument tal-inċident ma kienx hemm passiġġieri oħra fl-istess vettura.
Fil-post issejħet ambulanza u tim mediku li assistew lix-xufier sakemm dan seta’ jittieħed lejn l-Isptar għal aktar kura. Aktar tard huwa rriżulta li sofra minn ġrieħi ħfief.

Intant fil-post għaddejja ħidma mill-uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex il-coach ikun jista’ jittella’ minn ġol-għalqa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.