Sewwieq ta’ mutur iddaħħal l-Isptar b’urġenza wara li lbieraħ għall-ħabta tat-3:30 p.m kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina f’Birkirkara.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn karozza Demio misjuqa minn raġel ta’ 72 sena residenti Birkirkara u mutur Kymco Agility misjuq minn raġel ta’ 24 sena residenti l-Gżira.
Fil-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel assistenza lis-sewwieq tal-mutur sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard huwa kien iċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.