Friday, May 3, 2024

Wieħed irid jirrikonoxxi li sar ħafna progress fil-waterpolo lokali

Anthony Farrugia - coach nazzjonali

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena tal-waterpolo temm fl-10 post tal-Kampjonat Ewropew tal-LEN wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tilef kontra l-Olanda bl-iskor ta’ 13-9.

L-ewwel sessjoni ntemmet fi dro ta’ 1-1 bl-Olandiżi li rebħu t-tieni u t-tielet sessjoni 4-2 u 4-1 rispettivament. Fl-aħħar sessjoni, il-Maltin kienu motivati tant li rebħu 5-4 għalkemm xorta ma rnexxielhomx jevitaw it-telfa. 
Malta skorjaw permezz ta’ żewġ goals ta’ Gianni Farrugia u Sam Gialanze u goal kull wieħed minn Mark Castillo, Jake Cachia, Daniel Rizzo, Jake Bonavia u Alec Fenech.

Malta tilfet kontra l-Olanda f’żewġ okkażjonijiet f’dan il-kampjonat.

Malta għalqet l-impenji tagħha f’dan il-kampjonat liema Kampjonat kien wieħed ta’ suċċess għat-tim kollu.

Hekk kif it-team irritorna f’pajjiżna t-Tnejn waranofsinhar, talk.mt tkellem mal-coach Anthony Farrugia li deher ferm sodisfatt b’dak li rnexxielhom jagħmlu l-plejers tiegħu.

“Kien tragward uniku dak li ksibna li nispiċċaw fl-10 post ta’ din il-kompetizzjoni. Il-players tiegħi kellhom wirjiet impekkabbli u ħaqqhom kull tifħir għal-logħob li pproduċew.”

Farrugia, iktar magħruf bħala Il-Pannelli, qal li l-avversarji tagħna faħħruna ferm għat-titjib fil-waterpolo tagħna u dan hu turija ta’ kemm qed isir progress. Sostna li kontra l-Olanda kienu xi ftit żvinturati, ir-reazzjoni saret tard iżda xorta waħda kburi b’dak li għamlu speċjalmet fl-aħħar sessjoni.

Anthony Farrugia qal is-sena 2022 għandha titnaqqax bħala waħda tad-deheb għall-waterpolo Malti minħabba li diversi timijiet nazzjonali marru tajjeb ferm.

“It-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena spiċċa fit-12-il post minn 25 team fil-kampjonat mondjali li saru. Din kienet l-ewwel darba li pparteċipajna u ma tistax ma tkunx sodisfatt b’dak li akkwistajna.”

“Mill-banda l-oħra, it-team nazzjonali tal-kbar immexxi mill-kowċ bravu Karl Izzo kiseb l-14-il pożizzjoni fit-raba’ parteċipazzjoni tal-kampjonati tal-LEN. Għadha tissemma’ dik ir-rebħa li ksibna kontra s-Slovenja li fissret ukoll tragward storiku għall-pajjiżna f’dan l-isport.”

“Issa biex inpoġġu ċ-ċirasa fuq il-kejk, kien imiss lit-team nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena li jikseb post prestiġġjuż fil-kampjonati Ewropej tal-LEN tal-istess kategorija.”

Anthony Farrugia qal li wieħed irid jirrikonoxxi li sar ħafna progress f’dan l-isport għalkemm għad fadal iktar x’isir sabiex nilħqu aktar żgħażagħ, il-parteċipazzjoni tiżdied u fuq kollox li jinkisbu aktar riżultati pożittivi.

Madankollu bħalma qal l-istess Anthony Farrugia, il-futur jidher wieħed ferm sabiħ hekk kif hemm diversi players li twieldu fis-sena 2003 li qed iħabbtu l-bibien tat-team nazzjonali tal-kbar apparti li hemm oħrajn li jistgħu javvanzaw mit-team ta’ taħt is-16-il sena għal dak ta’ taħt id-19-il sena.

“Personalment naħseb li mexjin fit-triq it-tajba u wara dawn l-aħħar parteċipazzjoni f’kompetizzjoni prestiġjużi f’kull livell, inħoss li nistgħu nagħmlu aħjar fil-futur. Aħna l-coaches naħdmu id f’id flimkien mal-assoċjazzjoni akkwatika Maltija sabiex dejjem naraw li l-progress ikompli jsir.”

Finalment Farrugia xtaq jagħmel ir-ringrazzjamenti tiegħu wara dak kollu li seħħ f’dawn l-aħħar ġimgħat fejn għandu x’jaqsam timijiet nazzjonali tal-waterpolo.

“L-ewwelnett irrid nirringrazzja lill-ġenituri li tant ikkoperaw sabiex dan it-tim ikun jista’ jingħaqad sew. Kull ġenitur ta l-kontribut tiegħu sabiex uliedhom ikunu magħna u jaqsmu din l-esperjenza ferm sabiħa.”

“Ovvjament ma nistax ma nirringrazzjax lill-players infushom li tant ikkoperaw, irsistew, tħarrġu bis-serjeta’ sabiex jinkiseb dan ir-riżultat sabiħ.”

“Ma nistax ninsa lilkom il-ġurnalisti li tajtuna spazju biżżejjed fil-ġurnali u s-siti elettroniċi tagħkom sabiex ixxandru l-bravuri li għamlu l-plejers Maltin fl-isport tant sabiħ tal-waterpolo.”

Sport