Sunday, December 22, 2024

AĠĠORNATA: Kważi 2,500 tilqima fl-ewwel jum ta’ tilqim mingħajr appuntament

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

4:15 p.m: B’kollox ngħataw 2,461 tilqima fl-ewwel jum taċ-ċentru ta’ tilqim mingħajr appuntament fil-Mosta. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne filwaqt li rringrazzja lil dawk involuti f’din il-ħdima tant importanti. Il-Ministru fakkar li pitgħada jkompli dan il-programm ta’ tilqim mill-lokalità taż-Żejtun.

11:30 a.m: Iċ-Ċentru ta’ tilqim mingħajr appuntament fil-Mosta se jibqa’ miftuħ waranofsinhar

Dan is-sit jinsab infurmat li ċ-ċentru miftuħ ta’ tilqim mingħajr appuntament fil-Mosta fiż-żona tat-Technopark se jkun qiegħed jibqa’ jlaqqam lil dawk li qegħdin jattendu minħabba rispons qawwi fl-ewwel jum.

Il-fotografu ta’ dan is-sit żar il-post u f’ritratti miġbudin tidher ċar li l-pubbliku laqa’ l-appell ta’ dan is-servizz tant li fil-post hemm kju kbir ta’ persuni li qegħdin iżommu d-distanza skont il-protokolli.

Għalkemm ir-ritratti meħudin minn quddiem biex tinqabad il-folla kbira li hija konferma ta’ kemm il-pubbliku laqa’ dan is-servizz, tajjeb li ninnutaw li fil-post hemm uffiċjali li qed jassiguraw li l-protokolli relatati jiġu mħarsa.

9:00 a.m: Rispons qawwi fiċ-ċentru għat-tilqim mingħajr appuntament fil-Mosta

Mil-lum dawk li għadhom ma tlaqqmux kontra l-Covid-19 għandhom żewġ alternattivi sabiex jitlaqqmu mingħajr ebda appuntament.

F’Malta, wieħed jista’ jmur jitlaqqam l-Università bejn it-Tnejn u s-Sibt u f’Għawdex, wieħed jista’ jmur fiċ-ċentru ta’ vaċċinazzjoni fl-Aurora mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Mil-lum ukoll se tibda ddur klinika mobbli li se tkun f’diversi lokalitajiet, fejn illum se tkun il-Mosta fiż-żona tat-Technopark.

Intant fi stqarrija fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook id-Deputat Prim Ministru filwaqt li appella lil dawk kollha li għadhom ma tlaqqmux biex jagħmlu użu minn dan is-servizz, ikkonferma li numru ta’ persuni sa minn dalgħodu marru l-Mosta biex jitlaqqmu.

Fearne fakkar li s’issa f’pajjiżna hawn 85 fil-mija tal-popolazzjoni li ħadet minn tal-anqas l-ewwel tilqima u 81 fil-mija tal-popolazzjoni li ħadet iż-żewġ dożi (doża waħda fil-każ tal-Johnson).

Ekonomija

Sport