Monday, May 13, 2024

L-MHRA tappella lil gvern jiffoka fuq dawk l-Isptar minħabba l-Covid-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar kmieni llum ġiet ippubblikata d-deċiżjoni tal-ECDC li tpoġġi lil Malta fuq il-lista l-ħamra tal-ivvjaġġar wara żieda ta’ każijiet pożittivi tal-coronavirus li ġew reġistrati fl-aħħar jiem.

B’reazzjoni għal din l-aħbar, L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Restoranti (MHRA) appellat lill-Gvern biex jaħdem mill-qrib ma’ dawk kollha involuti fl-industrija tat-turiżmu biex flimkien jiffaċċjaw l-isfida li qed tikkaġuna ħsara lill-ekonomija u s-saħħa tan-nies. L-MHRA appellat lill-Gvern biex jibda jiffoka l-politika tiegħu dwar pandemija tal-Covid-19 fuq in-numru ta’ pazjenti rikoverati l-isptar u mhux fuq dawk li qed jirriżultaw pożittivi u mhux ikollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar għall-osservazzjoni. Skont l-aħħar aġġornament maħruġ mill-awtoritajiet tas-saħħa aktar kmieni llum, l-għadd ta’ pazjenti li qed jingħataw kura l-isptar għall-COVID-19 huma 18-il ruħ waqt li l-każijiet attivi huma ta’ 1,963. Wieħed minn dawn jinsam fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li “l-mira ta’ Malta għandha tkun li ttemm il-programm ta’ vaċċinazzjoni fejn kull resident f’Malta jkun protett.” Dan għandu jgħin biex tonqos r-rata ta’ infezzjonijiet u pajjiżna ma jdumx ma jerġa’ jsib postu fuq il-lista l-ħadra biex l-ekonimija tkun tista’ tkompli tirpilja.

Dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur turistiku, l-MHRA appellat lill-Gvern biex jeżenta t-taxxa fuq is-sahra u fuq xogħol part-time fl-industrija biex aktar ħaddiema jitħajru jaħdmu f’dan is-settur u dawk li diġà jagħmlu parti minnu ma jmorrux f’oqsma ekonomiċi oħrajn.

L-MHRA temmet tgħid li ninsabu fi żminijiet diffiċli u ta’ inċertezza u li f’dan il-mument il-pajjiż jeħtieġ protokolli ċari li jħarsu s-saħħa pubbliku iżda wkoll il-bżonnijiet tal-ekonomija.

Sport