Il-winger ta’ Birkirkara mill-Ghana, Karima Abdulai, kienet il-protagonista fid-draw ta’ 1-1 kontra Hibernians liema partita kienet valida mill-Assikura Women’s League li ntlagħbet, nhar is-Sibt, 21 ta’ Novembru, f’Charles Abela Sadium.
Dan minħabba li hija kisbet id-draw, fis-47 minuta, wara li Jessica Maryanne Emmerton fetħet l-iskor għall-Pawlisti, fis-27 minuta.
Dan il-goal kien ifisser li fl-etá ta’ 21 sena, 4 xhur u 19-il ġurnata, Abdulai rreġistrat il-100 goal ta’ dan l-istaġun.
F’dan l-istaġun hija lagħbet żewġ partiti biss li jinkludu wkoll it-telfa ta’ 4-0 kontra Valletta, fl-14 ta’ dan ix-xahar. Hija lagħbet il-massimu ta’ 180 minuta filwaqt li ġiet murija l-karta s-safra kotra l-Beltin.
Hija bdiet il-karriera tagħha f’pajjiżha ma’ Savana Stars (2022/23) iżda sena wara hija ġiet tilgħab fil-kampjonat Malti fejn għal żewġ staġuni lagħbet ma’ Swieqi United (2023-25).
Imbagħad marret tilgħab fl-Indja ma’ King Fisher East Bengal (2025/26) għal staġun wieħed qabel ma f’Awwissu li għadda, ingħaqdet ma’ Birkirkara, liema kuntratt jintemm f’Ġunju 2027.




