L-Ingilterra, flimkien mal-Irlanda ta’ Fuq, l-Iskozja u Wales, se jospitaw it-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-2035 wara li l-FIFA uffiċjalment tat id-drittijiet tal-organizzazzjoni lir-Renju Unit waqt kungress straordinarju fi Zurich.
It-tournament se jkun l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu li jsir fir-Renju Unit u se jinvolvi 48 team nazzjonali li jikkompetu f’104 partiti fuq medda ta’ 39 jum.
Il-proposta konġunta, bl-islogan ‘All Together’, kienet l-unika offerta mressqa u ġiet approvata mill-211-il assoċjazzjoni membru tal-FIFA.
Il-pjan jinkludi 22 stadium propost f’16-il belt, fosthom Wembley, Emirates Stadium, Hampden Park u l-Principality Stadium f’Cardiff. Il-FIFA se tikkonferma l-postijiet finali aktar tard.
Din se tkun l-ewwel Tazza tad-Dinja tan-Nisa organizzata fir-Renju Unit u l-ewwel Tazza tad-Dinja tal-FIFA fil-pajjiż mill-1966, meta l-Ingilterra kienet rebħet it-tournament tal-irġiel.
L-erba’ assoċjazzjonijiet qalu li l-organizzazzjoni se tgħin biex ikompli jikber il-football tan-nisa, iżżid il-parteċipazzjoni tat-tfajliet u toħloq opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp tal-players u l-coaches.
It-tħejjijiet għat-tournament issa se jibdew b’kollaborazzjoni mal-FIFA, il-gvernijiet u l-bliet ospitanti, bil-għan li jitħalla wkoll wirt pożittiv għall-futur tal-football tan-nisa.




