Friday, December 13, 2024

AĠĠORNATA: “L-aġenda ewlenija tiegħi hi li nsalva ħajjet in-nies”

Aqra wkoll

“L-aġenda ewlenija tiegħi f’din il-laqgħa se tkun qed tiffoka strettament fuq is-salvazzjoni ta’ ħajjet l-Ukreni u sabiex jitnaqqsu s-sofferenzi fl-Ukrajna”. Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, f’konferenza tal-aħbarijiet wara li ntemmet il-laqgħa tiegħu mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov.

Guterres huwa rrappurtat li qal illi l-invażjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna kisret id-drittijiet li huma mniżżla fiċ-charter tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa kompla jgħid li jinsab inkwetat dwar ir-rapporti ta’ krimini ta’ gwerra li ġiet akkużata bihom ir-Russja iktar kmieni dan ix-xahar.

Kif kien imħabbar dalgħodu minn dan is-sit, illum huwa mistenni li Guterres jiltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin għal-laqgħa li għandha ssir f’Moska.

IKTAR KMIENI LLUM: Is-Segretarju Ġenerali tal-UN mistenni li jiltaqa’ ma’ Putin f’Moska

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, huwa mistenni li jiltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin iktar tard illum f’Moska sabiex jiddiskutu s-sitwazzjoni preżenti ta’ Mariupol. Però, mhux mistenni li jintlaħqu aspettattivi kbar f’din il-laqgħa minħabba li s’issa ma kienx hemm suċċess kbir fid-diplomazija bejn iż-żewġ pajjiżi konċernati — ir-Russja u l-Ukrajna.

L-Ukrajna talbet lil Guterres sabiex permezz ta’ din il-laqgħa jiggarantixxi żona temporanja mingħajr il-preżenza tal-forzi militari sabiex ikunu jistgħu jiġu evakwati ċ-ċittadini li qed jistkennu f’Azovstal; magħrufa aħjar bħala “humanitarian corridor”. 

L-Amerka wkoll tinsab ippreparata sabiex illum torganizza taħditiet m’għadd ta’ pajjiżi fil-Ġermanja rigward is-sitwazzjoni tad-difiża Ukrena. Ir-rappreżentant tal-Amerka għal dawn it-taħditiet se jkun is-Segretarju għad-Difiża Amerikana Lloyd Austin. Imbagħad il-Ħamis li ġej, 28 t’April, Guterres għandu jiltaqa’ mal-President Ukren Volodomyr Zelensky fi Kyiv.

Dawn it-taħditiet qed jiġu organizzati minħabba li l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, wissa li hemm riskju serju li jingħata bidu għat-Tielet Gwerra Dinjija u kkritika l-approċċ ta’ Kyiv li qed ifixkel fit-taħditiet għall-paċi.

Ekonomija

Sport