Wednesday, March 27, 2024

META L-IMGĦAXIJIET JOGĦLEW

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Tidher inevitabbli l-miżura, anke mill-Bank Ċentrali Ewropew did-darba, biex l-imgħaxijiet fuq flus imsellfa u depożitati jibdew jogħlew. Għal snin, drajna b’imgħaxijiet li naqsu għal xejn, u f’ċerti każi, saru negattivi. Biex iżommu l-flejjes tagħhom għand il-banek ċentrali, l-banek kienu “jħallsu” — b’perċentwal negattiv fuq l-ammonti li jgħaddulhom biex “iraqqduhom”  għal lejl jew tnejn.

Issa se nerġgħu naraw effetti li konna nsejna li jeżistu fit-tmexxija tal-flus:

–biex tissellef minn bank, se jkollok tħallas imgħax ogħla. Kif se jiġi affettwat is-self li jsir għall-binjiet mal-Ewropa kollha?

–id-depożitanti li fl-aħħar snin ma tħallsu l-ebda interessi fuq id-depożiti tagħhom, għandhom jerġgħu jkollhom dħul minn hekk. Miljuni ta’ pensjonanti Ġermaniżi se jieħdu r-ruħ.

–il-gvernijiet li fl-aħħar sentejn reġgħu telqu fuq lanja ta’ defiċits, u kellhom jissellfu biex jimlewhom, x’aktarx se jsibu li l-ħlas li jridu jagħmlu fuq is-self li qed iġorru se jibda tiela’ u tiela’…

***

TRADIZZJONI 

Ta’ spiss tqum l-għajta li qed nitilfu mit-tradizzjonijiet tagħna… reliġjużi, kulturali, sportivi, soċjali… u li din hi xi ħaġa ħażina. Ta’ spiss ukoll isiru sforzi biex jiġu valorizzati attivitajiet u drawwiet “qodma” li donnhom se jitwaqqfu jew jintesew.

Mhux kulħadd jaqbel ma’ dan il-punt tat-tluq. Anzi hawn min jargumenta kontra ċerti tradizzjonijiet — bħal dawk li huma kontra l-kaċċa, jew kontra ċerti metodi ta’ kif jitbiċċru l-bhejjem. Biex ma nsemmux prattiċi bħal tal-mutilazzjoni ġenitali… 

Ma jeżistux kriterji ċari ta’ kif tradizzjoni titqies “tajba” u għandha tiġi mħarsa, u liema tradizzjonijiet għandhom jitwarrbu. Fir-realtà, il-ġudizzju jibqa’ wieħed suġġettiv, li jirrifletti t-twemmin u l-valuri ta’ min qed jasal għalih. Fir-realtà wkoll, l-ebda tradizzjoni mhi statika. Tibqa’ tinbidel maż-żmien, l-istess kif jinbidlu t-twemmin u l-valuri. 

***

BNIEDEM MA’ MAGNA 

M’hemm xejn li jdejjaqni aktar milli jkolli nirrispondi u nagħmel kif tgħidli nagħmel magna. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jiżdiedu l-okkażjonijiet fejn ikollok tagħmel hekk. 

  Mill-vuċi li malli taqbad ma’ xi bank jew korporazzjoni tavżak biex tagħfas il-1 jew it-2 skont ma’ min trid titkellem… Għall-emoġijiet li jgħidulek intix mistenni titbissem, tidħaq jew tibki. Għad-Dans u d-Daisies li taparsi persuna, jgħallmuk x’għandek tagħmel biex tiftaħ u tħaddem kompjuter jew magna tal-ħasil. Biex ma nsemmux ir-risposti li jaslulek meta xi xirja li tkun qed tmexxi bl-internet tmur żmerċ u magna tibda tagħtik struzzjonijiet dettaljati dwar x’għandek tagħmel. 

Niddejjaq mhux għax kburi li jien bniedem jew għax niddisprezza l-magni. Aktar għax inħossni mhux lest nafda fihom.

Ekonomija

Sport