Monday, December 23, 2024

AĠĠORNATA: Missjoni fl-impjant nukleari ta’ Chernobyl

Aqra wkoll

Il-kap tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) se jkun qed imexxi missjoni fl-impjant nukleari ta’ Chernobyl fl-Ukrajna, wara li skont ma ġie rrappurtat dalgħodu mill-midja internazzjonali t-truppi Russi telqu minn din iż-żona.

Id-direttur ġenerali tal-IAEA, Rafael Mariano Grossi, qal li din se tkun l-ewwel minn għadd ta’ missjonijiet fl-Ukrajna. 

Skont Grossi, il-livelli ta’ radjazzjoni madwar iż-żona ta’ Chernobyl kienu “pjuttost normali”.

Din iż-żona ta’ Chernobyl hija mfakkra l-iżjed għad-diżastru nukleari li seħħ fl-1986.

IKTAR KMIENI: L-Ukreni jerġgħu jieħdu l-kontroll ta’ Chernobyl

Skont l-awtoritajiet Ukreni, it-truppi Russi rtiraw minn Chernobyl u taw kontroll taż-żona lill-Ukreni. Il-forzi Russi ħatfu ż-żona ta’ Chernobyl taħt idejhom fil-bidu tal-invażjoni tagħhom fuq l-Ukrajna, fejn ħolqu l-biża’ li setgħu jikkawżaw ħsara li setgħet twassal għat-tixrid tar-radjazzjoni. 

L-Energoatom — kumpanija Ukrena tad-dawl qalet li l-ħruġ tar-Russi minn Chernobyl ġara minħabba li s-suldati Russi kienu esposti għal “dożi sinjifikanti” ta’ radjazzjoni wara li ħaffru t-trinek f’foresta li hemm madwar l-impjant. 

Ritratt: EPA / Reuters

L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) qalet li ġiet infurmata mill-Ukrajna li l-forzi Russi li kienu qed jokkupaw lil Chernobyl, trasferew lura l-kontroll ta’ din iż-żona lill-Ukreni u dan it-trasferiment seħħ bil-miktub. Huwa rrappurtat mill-awtoritajiet Ukreni li l-aħħar truppi Russi telqu minn din iż-żona dalgħodu kmieni.

Energoatom ma tat l-ebda dettall dwar il-kundizzjoni tas-suldati Russi li kienu esposti għar-radjazzjoni u ma qalitx kemm kien hemm minnhom li ġew affettwati. Filwaqt li l-Kremlin ma kkummentatx immedjatament dwar dan, l-IAEA qalet li s’issa ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma rrapporti dwar is-suldati Russi li rċivew dożi qawwija ta’ radjazzjoni.

Ekonomija

Sport