Saturday, May 18, 2024

AĠĠORNATA: Talba biex l-akkużat jinżamm fit-taqsima forensika minħabba kura psikjatrika

Aqra wkoll

Id-Difiża qalet li l-imputat jinsab taħt kura psikjatrika fil-fatt anke meta kien qiegħed jinżamm mill-pulizija, inżamm taħt osservazzjoni kontinwa.

Filwaqt li ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest, l-imputat talab li ssir rakkomandazzjoni li jinżamm fit-Taqsima Forensika li tifforma parti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Qorti min-naħa tagħha qalet li x’ħin l-imputat se jitlaq mill-binja, se jmur il-faċilità korrettiva u jibdew il-proċeduri li hemm bżonn, professjonisti se jkunu qegħdin janalizzaw il-kundizzjoni tiegħu u jkun id-diettu tal-faċilità li jiddeċiedi fuq l-istat tas-saħħa tiegħu u jara fejn iħoss li hu l-aktar sigur għalih li jitpoġġa.

L-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin dehru għall-imputat. L-Avukati Shazoo Gaznavi, Charlon Gouder u Ramona Attard dehru parte civile.

5:40 p.m: Il-Pulizija qiegħda titratta l-każ bħala omiċidju volontarju u mhux inċident

F’awla mimlija bin-nies għadu kif daħal Jeremie Camilleri ta’ 33 sena minn Ħal Lija li qed ikun akkużat li kkaġuna l-inċident li fih tilfet ħajjitha mara Torka ta’ 30 sena. Fost dawn il-persuni hemm diversi esperti forensiċi u l-qraba tal-vittma.

L-Ispettur Kurt Zahra beda biex jispjega li nhar it-18 ta’ Jannar 2023 għall-ħabta tas-1.10 a.m. kienu infurmati li kien hemm persuna li saq bil-karozza għal ġo l-istabbiliment tal-ikel KFC u li f’dan kollu kien hemm persuna fi stat imminenti li titlef ħajjitha kawża tad-daqqa li qalgħet mill-istess vettura.

Huwa xehed ukoll li l-Pulizija ġiet infurmata li l-imputat ħareġ mill-karozza u beda jwaddab xi ġebel fuq xi nies u anke fuq il-vittma. Irriżulta wkoll li huwa rreżista l-arrest.

Sadanittant il-Pulizija kienet ġiet infurmata wkoll li Kaya Pelin kienet tilfet ħajjitha u mill-investigazzjoni li saret irriżulta li dan ma kienx sempliċiment inċident tat-traffiku iżda omiċidju volontarju.

11:00 a.m: Mistenni jitressaq il-Qorti r-raġel li jinsab akkużat bl-inċident tal-Gżira

Minn hawn u ftit sigħat oħra, għall-ħabta tal-5:30 p.m., mistenni jitressaq il-Qorti r-raġel li qed jaffaċċja akkużi relatati mal-inċident tal-bieraħ li seħħ fil-Gżira.

F’dan l-inċident, li seħħ fis-sigħat bikrin tal-bieraħ filgħodu fi Triq l-Imsida, tilfet ħajjitha mara Torka ta’ 30 sena wara li raġel ta’ 33 sena minn Ħal Lija kien tilef il-kontroll tal-vettura tal-għamla BMW li kien qiegħed isuq.

Minn informazzjoni li kiseb ilbieraħ dan is-sit, ir-raġel sar aggressiv fejn saħansitra waddab xi ġebel li sab fl-art.

L-akkużat se jkun qed jidher quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Joseph Mifsud.

Sport