Thursday, December 26, 2024

“Agħtu l-ħin lit-tfal tagħkom għax eventwalment se jirrikorru lejkom meta jiġu bżonnkom”

Ruth Sciberras - Chairperson tal-Positive Parenting Taskforce u t-Tisħiħ tal-Familja

Aqra wkoll

It-trobbija tat-tfal hi tema li dejjem tkun fuq fomm kulħadd. Illum il-ġurnata bl-isfidi kollha li s-soċjetà qed taffaċċja xejn ma saret faċli li trabbi t-tfal. Sa tletin sena ilu, koppja kien ikollha ħafna tfal u b’xi mod jew ieħor, il-ġenituri kienu jrabbu bl-aqwa mod possibbli. Il-ħajja kienet ferm differenti minn tal-lum il-ġurnata filwaqt li ma kienx hawn il-kumditajiet li ssib illum.

Ix-xenarju nbidel sew f’dawn l-aħħar snin hekk kif is-soċjeta’ Maltija evolviet madankollu t-tema tat-trobbija tat-tfal tibqa’ kruċjali sabiex ikollna ġenerazzjoni ta’ nies li jkomplu fuq dak li wettqu missirijiethom.

Dan u aktar iddiskutejnieh ma’ Ruth Sciberras, Chairperson tal-Positive Parenting Taskforce u tisħiħ tal-familja fi ħdan il-Ministeru tal-Politika Soċjali u tfal li tkellmet ma’ dan is-sit dwar dawn it-temi.

It-Taskforce dwar it-Trobbija Pożittiva twaqqfet fit-28 ta’ Marzu 2018 wara l-identifikazzjoni tal-membri permezz ta’ diskussjonijiet interministerjali, skont l-azzjoni ta’ politika 1 fil-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Trobbija Pożittiva 2016-2024. 

Hija titmexxa mill-Ministeru għal-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal , li qabel kien imsejjaħ il-Ministeru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali (MFSS), b’koordinazzjoni ma’ rappreżentanti ewlenin minn Ministeri rilevanti oħrajn tal-Gvern. L-għan ta’ din it-taskforce huwa li tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din il-politika strateġika. It-taskforce torganizza laqgħat ta’ kull xahar. Jiġu organizzati laqgħat oħrajn mal-partijiet ikkonċernati mill-president u minn xi wħud mill-membri tat-Taskforce. 

Iżda xi tfisser meta ngħidu Positive Parenting? Hemm xi riċetta jew ingredjent partikolari sabiex ikun hemm trobbija pożittiva tat-tfal? U kif beda dan il-kunċett f’pajjiżna?

“Ejja ngħidu li riċetta waħda ma teżistix. Skont ir-riċerka li ilna nagħmlu bħal task force, it-trobbija tat-tfal hu suġġett dibatibbli ħafna. Fil-passat kienet xi ħaġa normali li biex tikkoreġi t-tfal jew biex iżomm id-dixxiplina ssawwathom. Is-soċjeta’ dak iż-żmien kienet bħal qisu ssib dak il-metodu bħala wieħed effettiv.”

“Madankollu aktar m’għadda ż-żmien, aktar bdejna nindunaw li dak mhux il-metodu tajjeb sabiex tikkoreġi t-tfal. Fil-fatt diversi psikoloġi jgħidulna li dan mhux il-metodu t-tajjeb sabiex tikkoreġi t-tfal speċjalment minħabba l-lat emozzjonali u psikoloġiku tagħhom. L-istudji jgħidulek li t-tfal ma jistennewx dik it-tip ta’ dixxiplina mingħand nies li jħobbuhom. Il-vjolenza qatt m’hi ġustifikata!”

Sciberras tgħidilna li t-tfal iridu ħafna mħabba, gwida, dixxiplina pożittiva u fuq kollox tgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Id-dixxiplina għandha tkun għax hi ferm importanti sabiex it-tfal jitilgħu diliġenti, responsabbilta’ u li jġibu rispett lill-proxxmu.

Iżda l-mistoqsija toħroġ naturali. Kemm sar diffiċli llum il-ġurnata li trabbi?

“Jien ili f’dan is-settur għal dawn l-aħħar 30 sena. Hu veru li llum il-ġurnata l-familji għandhom sfida kbira biex irabbu lit-tfal speċjalment minħabba li dawn ikunu bbumbardjati kontinwament mill-midja soċjali li xi kultant iġġib ħafna stress u pressjoni żejda minħabba ċertu stil ta’ ħajja. Dan kollu hu evidenti fi żmien l-adoloxxenza meta t-tfal ifittxu iktar lill-ħbieb tagħhom u hu hawn li l-ġenituri jridu jisimgħuhom u jaraw kif uliedhom iduru lejhom meta jiġu bżonnhom. Nemmen li l-komunikazzjoni hi ċ-ċavetta bejn il-ġenituri u l-ulied.”

Saqsejna lil Ruth Sciberras dwar konferenza annwali li saret riċentement mill-PIMHA. X’ġara u xi jfisser dan kollu?

“Iva kellna konferenza li ssir kull sena li kellha t-tema bl-Ingliż “Understanding the Complexities of Perinatal and Infant Mental Health” u li saret fil-kampus tal-Università fil-Belt Valletta.”

“Iffukajna fuq l-assessjar u l-immaniġjar tas-saħħa mentali lill-koppji u jekk dawn ikollhomx bżonn għajnuna wara li jkollhom wild ġdid. Il-familja xi kultant trid tadatta għal xi bidliet u għalhekk ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal trid tkun waħda soda.”

“Kellna diversi kelliema li taw il-pariri u l-opinjoni tagħhom f’dan ir-rigward li kienu jinkludu psikoloġiċi, konsulenti u professjonisti oħrajn.”

“Kollha kienu tal-fehma li t-tfal iġibu bidla fl-istil ta’ ħajja tal-ġenituri speċjalment jekk ikunu l-ewwel wild. Huwa hawnhekk li l-preparamenti huma importanti filwaqt li jadattaw għal ċerti bidliet li jista’ jkun hemm.”

“Kellna wkoll żewġ esperti barranin u li huma esperti f’dan il-qasam u dawn huma Dr Rita Gupta, konsulent psikjatriku perinatal u Dr Ellen Auty, psikologa u konsulenta li jispeċjalizzaw fil-PIMHA fir-Renju Unit. Dawk li attendew setgħu japprezzaw il-mod ta’ kif tkellmu dawn il-mistiedna u kemm taw pariri siewja sabiex inrabbu lit-tfal tagħna b’mod pożittiv.”

Sciberras tgħid li sar programm u kors għal diversi ġenituri kemm dawk miżżewġin kif ukoll li qegħdin f’relazzjoni u li kellhom wild riċentement. Dan il-kors sar online u dam madwar 16-il ġimgħa, sagħtejn darba fil-ġimgħa. Hi qalet li kellha feedback tajjeb ħafna u l-evidenza uriet li l-koppji ħassewhom ferm aħjar wara li attendew dan il-kors fil-kumdita’ ta’ djarhom.

Komplejna nitkellmu ma’ Ruth Sciberras dwar kif ġenitur għandu jkun effettiv ma’ uliedu. Hi qaltilna li l-konsistenza hi ferm importanti f’dan ir-rigward. Kemm l-omm kif ukoll il-missier iridu jkunu ċerti u mingħajr ma joqogħdu jbiddlu l-verżjoni tagħhom meta juru dixxiplina mat-tfal tagħhom.

Hi tgħidilna li t-tfal iħobbu ħafna l-istabbilta’. Jekk l-ulied isibu ambjent jew stil ta’ ħajja instabbli, dawn se jbatu ħafna, mhux se jitilgħu dixxiplinati u probabbilment jitgerfxu.

Mill-banda l-oħra, jekk l-ulied jingħataw vuċi, il-ġenituri jindukrawhom, jagħtu kashom, iħobbuhom u jżommulhom dixxiplina retta iżda bi ħsieb, se jkun qed jibbenefika kulħadd.

“Nerġa’ ngħid, il-komunikazzjoni hi kruċjali sabiex wieħed jasal li jkollu suċċess fit-trobbija ta’ uliedhom. Iż-żmien tal-adoloxxenza hu wieħed ferm delikat. Jekk it-tfal isibu komunikazzjoni u fuq kollox imħabba, il-ġenituri se jkunu qed jinvestu fi trobbija pożittiva.”

Ruth Sciberras, bħala Chairperson tal-Positive Parenting Taskforce u tisħiħ tal-familja, tatna wkoll dettalji dwar kif wieħed jista’ jsibhom. Fil-fatt huma jinsabu preżenti fil-midja soċjali fejn fuq il-pjattaforma ta’ Facebook f’dan il-link – https://www.facebook.com/PositiveParentingMT.

Barra minn hekk, din it-taskforce għandha s-sit elettroniku tagħha li hu https://positiveparenting.gov.mt/en/ fejn wieħed jista’ jsaqsi aktar informazzjoni u jirrikorri għall-għajnuna f’każ ta’ bżonn. Ġaladarba wieħed jikkuntattjahom, ikunu qed ikellmu diversi professjonisti fosthom terapisti, psikoloġi u esperti tal-familja.

Finalment tlabna lil Ruth Sciberras sabiex tgħaddi l-aħħar messaġġ tagħha lill-ġenituri li qed jaqraw din l-intervista.

“Il-messaġġ hu wieħed ċar. Għalkemm il-ħajjja tal-lum saret mgħaġġla filwaqt li feġġew sfidi ġodda fil-mod ta’ kif trabbi lit-tfal, importanti li intom ġenituri tagħtu l-imħabba kollha possibbli lill-uliedkom. Ejja ninvestu iktar fit-tfal speċjalment fil-bidu għax imbagħad issibu la jikbru. Agħtu l-ħin lit-tfal tagħkom għax eventwalment se jirrikorru lejkom meta jiġu bżonnkom jew meta jixtiequ jitkellmu magħkom.”

Ekonomija

Sport