Liverpool se jibagħtu scouts isegwu lill-midfielder ta’ Olympiacos, Aguibou Camara fit-Tazza tan-Nazzjonijiet tal-Afrika tax-xahar id-dieħel qabel offerta proposta fis-sajf li ġej.
Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena ġie msejjaħ biex jirrappreżenta lill-Guinea fit-tournament ta’ din is-sena li se jsir fil-Kamerun, fejn se jkun qed jittama li jżid mad-disa’ dehriet internazzjonali tiegħu.
Minn meta ngħaqad ma’ Olympiacos mingħand Lille matul is-sajf, Camara gawda minn staġun impressjonanti, fejn skorja ħames goals u pprovda erba’ assists f’25 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha.
Huwa maħsub li l-forma taż-żagħżugħ għall-ġganti Griegi ġibdet l-attenzjoni ta’ numru ta’ clubs Ewropej fosthom Liverpool, Leicester City u Newcastle United.
Ir-Reds se jsegwu mill-qrib l-iżvilupp ta’ Camara waqt l-AFCON qabel ma jagħmlu offerta għalih fis-sajf li ġej.
Olympiacos huma konxji mill-interess f’Camara iżda beħsiebhom jagħmluha diffiċli għal kwalunkwe club li qed ifittex li jidħol f’negozjati għall-akkwist tal-midfielder tagħhom.
Camara, li bħalissa huwa stmat għal madwar £15-il miljun, jinsab taħt kuntratt fil-Karaiskaki Stadium sa Ġunju 2025.