Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?
Tista’ tgħidilha b’kumbinazzjoni. Kelli żewġ festini differenti ta’ ħbieb tiegħi. It-tnejn li huma kellhom attivitajiet jikkonsistu f’ostakli, ġiri, dendil ma’ ħbula u attivitajiet li jinvolvu l-OCR (Obstacle Course Races). Dak iż-żmien ma kellix idea li dan kien sport u ma kontx daqshekk intiż fil-futbol, jew għawm jew tennis jew basketball bħal tfal oħra. Iż-żewġ organizzaturi tal- fetsini qaluli li kont maqtugħ għal dan l-isport. Jien l-hena tiegħi nixxabbat, naqbeż, niddendel u nidħol għal xi sfida. Xi ftit jiem wara iltqajt ma’ żewġ ħbieb tiegħi li kienu diġá qed jipprrattikaw dan l-isport u missierhom ħeġġeġ lil ommi biex teħodni wkoll. Dan kien tliet snin ilu.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X tikkummenta fuq is-suċċess li ksibtu bħala Team Malta fl-Iżvezja fil-jiem li għaddew?
Sodisfatt immens. Kburi bit-tim u l-sforzi kollha li għamilna li urew riżultat tal-ġenn. Bħala l-ewwel esperjenza tiegħi kienet waħda mill-isbaħ ġranet ta’ ħajti. Li kkompetejna ma’ atleti mill-Amerika, Ġermanja, Belġju, Polonja, Ċekja, Awstralja eċċ … kienet esperjenza unika speċjalment li tilbes il-flokk ta’ Malta.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Ivan Gauci?
Huwa kowc dixxiplinat immens, dedikat u fl-istess ħin jifhem lill- atleti. Jippretendi ħafna mill-atleti tiegħu u jipparteċipa biex jikseb suċċess għal Malta għax jemmen li aħna m’għandna xejn inqas mill-barranin. Lili jimmotivani u dejjem jimbuttani biex navvanza u fl-istess ħin jimxi mal- karattru u l-pass tiegħi.
Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna?
Nista’ nitkellem l-iktar fuq is-sezzjoni tal-Juniors billi għad għandi għaxar snin. Għandna livell tajjeb ħafna speċjalment l-atleti bħalissa huma kollha dedikati u tajbin ħafna. Dejjem hemm fejn tmur aħjar, iżda għandna biex inkunu kburin. Ksibna t-tielet post, tnejn il-ħames post, is-sitt post u s-seba’ post f’ħames kategoriji differenti. Dawn huma riżultati eċċellenti għal Malta. L-isport f’Malta għadu ġdid, għalhekk is-seniors ma kellhomx il-vantaġġ li għandna aħna.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala riżorsi fejn nitħarrġu, il-kowċis taż-żewġ klabbs prinċipali f’Malta jagħmlu minn kollox biex iħejju l-apparat meħtieg. Madankollu, m’għandniex l-istess kobor li ssib f’pajjiżi barranin, u s’issa m’hemmx trakka kompluta u mwaqqfa lesta biex nippreparaw għaż-żewġ kategoriji prinċipali, li huma l-100m u t-3k (magħrufa bħala “short course). Minkejja dan, il-kowċis jippruvaw jivvintaw u jikkreaw ostakli l-iktar simili għal dawk tal-kompetizzjoni.
Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fl-OCR?
It-tir principali tiegħi hu li nibqa’ b’saħħti u nkompli nitħarreġ u naħdem biex intejjeb il-prestazzjoni tiegħi. Nixtieq li nirbaħ midalja fil-Logħob Ewropej jew Dinji fil-futur qrib. Din id-darba ġejt il-ħames … irrid intejjeb dik il-pożizzjoni u nerġa’ nagħmel unur lil Malta.
Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jipprattika l-OCR.
Aħdem b’kemm għandek ħila u ejja ħa tieħu pjaċir! Apparti d-dixxiplina u l-motivazzjoni li tani l-OCR, għamilt ukoll ħbieb tal-ġenn u sibt familja ġdida li laqatni!