Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kont żgħir dejjem kien l-isport li kont inħobb l-iktar. Kont nara ħafna futbol ma’ missieri u meta ħadni nara l-ewwel logħba lura fl-2009 kienet memorja li qatt ma nsejt.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Kordinatur tal-Akkademja u Kowċ tal-U11s u U12s fi ħdan l-Akkademja ta’ Pietá Hotspurs FC.
Jiena ngħin lill-kowċis fl-akkademja tagħna bir-reġistrazzjonijiet li jkun hemm, nikkordina attivitajiet u avvenimenti li nkunu qegħdin nippjanaw u nieħu ħsieb il-logħob ta’ ħbiberija li jsiru ġewwa l-grawnd tal- Pietá.
Bħala lead coach xogħoli huwa dak li neduka t-tfal, intejbu l-livell tal-grupp flimkien mal-coaching staff, u nibnu ambjent pożittiv fejn it-tfal iħossuhom komdi biex jiġu għat-taħriġ, jitgħallmu u jtejbu l-livell tagħhom.
Huwa fatt maghruf li t-tim tal-kbar ta’ Pietà Hotspurs FC qed jutilizza numru ta’ plejers prodotti tan-Nursery. X’taħseb li huwa s-sigriet rigward dan is-suċċess?
Din hija ħidma li ilha ssir matul is-snin kollha tal-Pietá. Huwa unur li naħdem ġo klabb li tant jemmen fiż-żgħażagħ u li xi darba kif diġá rajt, nara tfal li kont nafhom minn etá żgħira jagħmluha mat-tim tal- kbar tal-Pietá.
Sigrieti m’hemmx. Il-klabb tagħna għandu struttura eċċeżżjonali. Mhux bħala struttura biss imma anke min qed imexxi d-dipartamenti kollha, miċ-Chairman tan-Nursery sal-Head Coaches u l-kowċis kollha fl-akkademja tagħna. Allura, il-fatt li għandna livell għoli ta’ kowċing fl-akkademja tagħna, u li tara t-tfal qegħdin jaslu, dan ifisser li qegħdin nippreparaw lit-tfal tagħna tajjeb b’mod ħolistiku.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Hawn Malta hawn it-talent. Tul dawn is-sentejn, ilni nara tfal mill-Grassroots u dejjem nibqa’ ngħid li hawn it-talent. Anke meta tara akkademji jsiefru, u jmorru tajjeb barra minn Malta jfisser li talent hawn, u livell hawn. Peró, irridu nibqgħu naħdmu aħna bħala kowċis biex inkomplu ntejbu l-livell tagħna billi jkollna moħħna miftuħ fuq l-importantza ta’ CPD learning u riċerka kontinwa.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Nara li qed ikun hemm iktar serjetá meta nidħlu fi strutturi ġo klabbs. Il-klabbs qegħdin jinvestu iktar flus minn qabel. Jien mhux wieħed li nħobb nitkellem fuq il-passat imma nħobb inħares ‘il quddiem lejn il-futur u nemmen li l-futbol Malti qed jagħmel passi tajbin ‘il quddiem.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
It-tema tar-riżorsi hija problema ta’ kulħadd jew kważi kulħadd. Kulhadd jaf li grawnds f’pajjiżna m’hawnx biżżejjed. Fil-fatt aħna nittrenjaw f’postijiet differenti matul il-ġimgħa, kemm fil-grawnd tal- Pietá, fil-grawnd ta’ San Ġużepp u fil-grawnd tal-Junior College. Imbagħad ikollna l-logħbiet ta’ ħbiberija kull tmiem il-ġimgħa. Għall-etajiet li qed naħdem fihom, il-klabb dejjem tani s-sapport meħtieġ biex ikollna r-riżorsi għat-tfal tagħna biex dejjem jilagħbu l-logħbiet ta’ ħbiberija, u nibqgħu kompetittivi minn ġimgħa għall-oħra.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ma rrid ngħaġġel xejn, peró, dejjem irrid nibqa’ nħossni iċċallinġjat f’dak li nkun qed nagħmel. Il-ħidma tal-grassroots hija waħda speċjali għaliex l-imħabba li jagħtuk it-tfal, ftit jagħtuhielek … u li tara tifel jew tifla jagħmlu passi ‘l quddiem, jikbru u jitgħallmu hija tassew xi ħaġa speċjali.
Nixtieq ukoll nagħmel żmien barra minn Malta fi rwol ta’ kowċ / għalliem tal-Edukazzjoni Fiżika (PE) biex inkun nista’ nieħu perspettivi oħrajn tad-dinja. Bħalissa qed niffoka biex inlesti l-Masters fit- Teaching and Learning fl-Edukazzjoni Fiżika (PE), imma wara li nlesti dan il-kors, inkun nista’ nfittex xogħol barra minn pajjiżna u noħroġ barra mill-‘comfort zone’ tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Aħdmu qatigħ! Xejn mhu ħa jiġi faċli kemm fil-futbol u anke fil-ħajja. Kunu dixxiplinati f’dak kollu li taghmlu, fix-xogħol tad-dar (‘homework’) tal-iskola, fit-taħriġ tal-klabb u kunu dixxiplinati li taħdmu waħedkom id-dar jew fejn tistgħu biex tibqgħu ttejbu l-livell tagħkom fil-futbol.
Nixtieq nagħlaq b’ringrazzjament speċjali lejn il-familja kollha tiegħi tas-sapport kollu li juru fija, għax huma jafu kemm niddedika ħin fix-xogħol tiegħi. U ringrazzjament lill-Head Coach, Andrea Vella Grech, li ilni naħdem miegħu snin twal u li tani l-opportunitá biex nibda din il-karriera fil-kowċing, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, liċ-Chairman tal-Pietá, Simon Cassar, għall-fiduċja kollha li għandhom fija bħala kowċ.