Żewġ bnadar ħomor ifissru li l-membri tas-salvataġġ mhumiex obbligati li jsalvaw lil ħadd. Iddikjara dan f’appell ġenwin il-Majjistral Nature and History Park hekk kif matul tmiem il-ġimgħa hu previst li jippersisti riħ qawwi sa forza sebgħa.
Min-naħa tagħha s-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar qalet li skont il-previżjoni meterjoloġika, għal dawk li qed jippjanaw li jgawdu l-baħar huwa suġġerit li jevitaw l-Għadira, Għajn Tuffieħa, il-Ġnejna, Fond Għadir u Perched Beach f’Buġibba. Skont l-istess previżjoni dawn il-bajjiet kollha se jkunu qegħdin itajru żewġ bnadar ħomor.
Intant it-temp għal għada s-Sibt mistenni jkun xemxi b’riħ forza ħamsa mill-majjistral li jitla għal forza sitta mill-punent majjistru, b’possibbilità ta’ forza sebgħa fit-tard. L-ogħla temperatura mistennija tmiss id-29°C.
Il-Ħadd ir-riħ mistenni jibda minn forza ħamsa li jnaqqas għal forza erbgħa sa tlugħ ix-xemx. Jerġa’ jżid mal-jum għal forza ħamsa mill-punent majjistru bl-ogħla temperatura tmiss id-29°C.
Ir-riħ mistenni li jbatti nhar it-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tal-11:00.