Tuesday, May 14, 2024

“Aħna għandna rata vera baxxa ta’ każi ta’ overdose għax ikkontrollajnieha tajjeb ħafna”

Dr Anna Maria Vella, Direttur Kliniku ta’ SMOPU (Substance Misuse Outpatient Unit)

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) tagħmel parti mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal (MSPC). Il-Fondazzjoni hija l-aġenzija nazzjonali ta’ ħarsien soċjali f’Malta u Għawdex u toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni timpjega ‘l fuq minn 1,000 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhom (73%) huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żgħażagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn. L-FSWS taħdem ukoll fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, tmexxi l-linji 179, 1772 u 1778 u tikkordina l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropeja għal internet aktar sikur permezz tal-programm Be Smart Online! u ċ-Child Web Alert.

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem fid-dettall maċ-Ċerpersin Kliniku ta’ SMOPU, (magħruf aktar bħala Ċentru Detox) Dr Anna Maria Vella dwar il-ħidma li titwettaq.

Is-Substance Misuse Outpatients Unit, magħruf aħjar bħala d-Detox, ilu miftuħ mis-sena 1987. X’inbidel minn dak iż-żmien?

Inbidlu ħafna affarijiet. Fl-1987 infetaħ id-Detox biex jagħti l-methadone. Ta’ min jgħid li dan l-istess bini kien jintuża bħala in-patients kif ukoll out-patients. Fl-1995 infetħet l-ewwel aġenzija fi ħdan l-FSWS li kienet is-Sedqa. Mill-1987 sal-1995 diġà kienet seħħet bidla kbira għax fejn qabel konna nużaw id-Detox biex nagħmlu detoxification, illum il-ġurnata mmorru oltrè minn hekk. Dak iż-żmien kull min kien jiġi għall-methadone kien jintalab iħalli kampjun tal-awrina u jekk kien jinstab li kien qed jabbuża mid-droga eroina, l-methadone kienet titwaqqaf milli tingħatalu. Dak iż-żmien l-idea tal-methadone kienet li tingħata minflok l-eroina. Illum il-ġurnata din l-idea nbidlet mhux biss għax twieldet Sedqa iżda għax imxejna minn dik il-mentalità. Illum il-methadone ma tintużax biex tissostitwixxi l-eroina iżda bħala manutenzjoni. Illum il-ġurnata persuna li tkun għadha tabbuża mill-eroina xorta tibqa’ tingħata l-methadone u tibda tingħata l-għajnuna biex sadanittant tnaqqas id-droga eroina.

L-In-patients Unit li huwa Dar l-Impenn joffri bosta funzjonijiet fosthom detoxification kemm mill-alkoħol kif ukoll minn sustanzi oħrajn, stabilisation fuq terapija, time-out mill-ħajja kaotika tat-triq, kif ukoll meta tibda tingħata l-mediċina Buprenorphine fejn hu meħtieġ il-preżenza ta’ infermier u tabib biex jimmoniterjaw il-persuna li tkun qed tirċivieha. Ta’ min isemmi wkoll li dawn l-aħħar tliet snin ma bqajnix naħsbu fuq sustanzi biss iżda s-servizz ġie estiż għal bosta dipendenzi. Fil-bidu żdiedu s-sustanzi li kienu jiġu trattati, bħal kokaina, kannabis u alkoħol fejn persuna li tkun teħtieġ l-għajnuna tmur id-Detox fejn tiġi assistita minn tim ta’ tobba, infermiera u ħaddiema soċjali li flimkien mal-Addiction Community Team naħdmu flimkien biex jitnaqqas l-abbuż.   

Pero’ mxejna wkoll minn hekk għax illum m’għadniex nitkellmu biss dwar dipendenza fejn tidħol sustanza iżda fuq kull tip ta dipendenza bħal logħob tal-azzard, pornografija, xiri fuq l-internet u anke l-użu eċċessiv tal-internet. Ikollna klijenti li jitolbu l-għajnuna għax iqattgħu ġranet fuq il-mowbajl. Kellna każi ta’ persuni li saħansitra jagħmlu l-alarm mhux biex iqumu filgħodu iżda biex jieqfu jilgħabu fuq il-mowbajl jew kompjuter u jfakkarhom biex iqajmu t-tfal għall-iskola jew biex imorru x-xogħol. Din il-problema għaddejja mad-dinja kollha għadha qed tiżviluppa u ċerti li aħna qed inkunu hemm biex ngħinu lil dawn in-nies biex ma jibqgħux dipendenti fuq dan l-aġir.           

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni, Charlo Lautier

Ir-rwol tiegħek bħala Ċerpersin Kliniku u tat-tobba inbidel ukoll?

L-irwol tagħna nbidel ħafna maż-żmien għax fejn qabel kellna mentalità partikolari, llum hija totalment differenti għax jekk wieħed jistaġna ruħu ma rwol wieħed ma jkunx jaf kif għandu jindirizza l-problemi tal-lum. L-għan tagħna huwa li nindirizzaw sistemi, trattamenti, terapija w mentalitajiet ġodda u dejjem naraw x’hemm l-aħjar li nagħmlu biex inkunu nistgħu naħdmu mal-pazjenti b’mod iktar aġġornat.     

X’inhu r-rwol tal-infermiera fi SMOPU u SMIPU?

Fil-bidu tad-Detox ix-xogħol tal-infermiera kien li jqassmu l-methadone u jieħdu l-kampjuni tal-awrina biss. Iżda jiena nemmen li x-xogħol tal-infermiera għandu jkun aktar vast. Illum il-ġurnata x-xogħol tal-infermiera, tobba, spiżjara u ħaddiema soċjali sar iktar speċjalizzat fil-qasam tagħhom. Il-miri huma li hawnhekk isir ċentru ta’ eċċellenza speċjalizzat. Mhux kull infermier kwalifikat jista’ jaqbad u jiġi jaħdem hawn għax ix-xogħol huwa speċjalizzat ħafna. Insibu pazjenti li jbatu minn dual diagnosis li apparti jkollhom problema bid-dipendenza jkollhom ukoll problema mentali. Ovvjament dawn ikunu jridu jiġu trattati minn psikjatra u għalhekk l-infermier irid ikollu taħriġ speċjalizzat dwar kif se jindirizza lil dawn il-pazjenti speċjalment kif se jkellimhom, jinkoraġġihom u jgħinhom iżommu l-appuntament li jkollhom. Hemm infermiera li xogħolhom huwa fuq barra jqassmu l-methadone lil 600 persuna kuljum. Ovvjament anke dawn iridu jkunu mħarrġin dwar kif ikellmu u jimmotivaw lill-pazjenti biex iħossuhom aktar komdi b’sens li fiċ-ċentru xi ħadd jagħti każhom. L-infermiera jridu jkunu mħarrġin wkoll għal kull eventwalita li tinqala’ speċjalment meta f’xi każi jiġu xi klijenti rrabjati jew imħawda, u hawnhekk xogħolhom ikun biex jikkalmawhom. Hawn ukoll infermiera speċjalizzata biex titratta nisa tqal fejn flimkien mal-ħaddiema soċjali se nsegwuha tul it-tqala kollha, mhux biex nieħdu t-tfal iżda biex l-omm tkun aħjar li żżomm it-tarbija tagħha biex tkun tista’ tieħu ħsiebha.    

Hawn ukoll il-Wound Clinic fejn infermiera speċjalizzata li ħadet it-taħriġ apposta tittratta pazjenti li jkollhom ċerti feriti minħabba t-teħid tad-droga kemm biex ma tiġix ikkawżata xi trombosi u għal bosta raġunijiet oħrajn. L-infermiera tieħu ħsieb li tibqa’ ssegwi dawn il-pazjenti b’mod regolari kull ġimgħa kemm biex tbiddel id-dressing u tara li l-ferita qed tfieq. Il-messaġġ li nixtieq inwassal hu li l-mentalità tagħna hija li aħna lin-nies li naraw nsegwuhom b’mod ħolistiku u mhux nittrataw il-problema tad-droga eroina, kokaina u kannabis biss.       

Infermier speċjalizzat ieħor huwa dak li jieħu ħsieb is-servizz Take Home Methadone. Dan huwa servizz li jingħata lil madwar 100 pazjent fejn jiġi darba fil-ġimgħa biss u jieħu l-mediċina d-dar għal ġimgħa sħiħa. Biex pazjent jasal s’hawn irid iħalli kampjun tal-awrina kull ġimgħa għal 12-il ġimgħa sħaħ konsekutivi, biex b’hekk juri biċ-ċar li għal tliet xhur dan ma miss l-ebda droga. Jekk naraw persuna li ma miss l-ebda sustanza, għandu impjieg u sejjer tajjeb, allura jingħata dan il-privileġġ. Dan iseħħ billi jiġi ffirmat kuntratt bejn l-infermier u l-pazjent flimkien ma’ xi membri tal-familja fejn isir qbil li l-pazjent tant sejjer tajjeb li m’għandux il-bżonn li jiġi kuljum imma darba fil-ġimgħa. Irid jiġi assikurat ukoll il-post fejn iżomm il-mediċina speċjalment jekk il-pazjent ikollu t-tfal. Hawnhekk l-infermier jispjega sew dwar il-konsegwenzi kollha dwar dan ir-rigward. Barra li l-infermier jipprepara l-mistura ta’ dawn il-100 pazjent kull ġimgħa, kull xahar jintalab li jsir test għal għarrieda billi pazjent jintalab jippreżenta kampjun tal-awrina biex inkunu ċerti li mhux imiss l-ebda sustanza. Jekk f’xi każi t-test jiġi pożittiv, allura jfisser li l-pazjent ikun mess id-droga. F’dak il-każ jaqa’ l-kuntratt u l-pazjent jitlef id-dritt li kien ibbenefika li jieħu l-methadone darba fil-ġimgħa. L-infermier jista’ jitlob lill-pazjent ukoll iġib kemm fadallu mistura u dan irid iġib l-ammont li jkun fadallu preċiż. Jekk ikun innutat li dan ma jġibx l-ammont li jkun fadallu mistura jfisser li dan ma jkunx qed jieħu kemm suppost u allura f’dan il-każ ukoll tiġi rtirata l-methadone mid-dar u terġa’ ssir diskussjoni ġdida.

Fl-InPatients Unit ix-xogħol tal-infermier huwa aktar delikat u speċjalizzat u jrid ikollok nies jafu sewwa x-xogħol tagħhom għax meta jintbagħat xi pazjent l-InPatients dan se jkollu affarijiet differenti. Jekk eżempju jintbagħat xi pazjent biex jieqaf mill-alkoħol dan jista’ jmut jekk ma jingħatax l-attenzjoni kif teħtieġ, L-infermier hawn irid ikun jaf x’inhu jagħmel u jrid joqgħod ħafna iktar attent għax jekk il-pazjent ikollu delirium tremors li huma fits li jiġu kkawżati fil-ġisem minn persuna li filli tkun qed tikkonsma ammont ta’ alkoħol kuljum u filli tieqaf f’daqqa. Allura f’dan il-każ it-tabib jordna l-mediċini li hemm bżonn biex dan ma jseħħx u l-infermier irid jara li l-pazjent qed iżomm il-mediċini u qed jeħodhom kif suppost u li qed ikun trankwill. Peress li f’dan il-post il-pazjent jibqa’ hemm, dan irid jingħata l-kuraġġ biex jibqa’ hemmhekk għax ħafna drabi dawn ma jkunux komdi. Ikun hemm pazjenti li jkunu ordnati jibdew it-trattament tal-Buprenorphine li din l-infermier irid ikun jaf bl-eżatt meta għadhom jibdewha u anke kemm hemm bżonn tiżdied id-doża. L-infermier irid jieħu ħsieb ukoll nisa tqal biex ikunu jafu kemm għandhom bżonn iżidu l-mistura biex ma jkunx hemm xi korriment fit-tqala. Hemm iktar qasam fejn nixtieq li nispeċjalizzaw bħal pereżempju tibda tingħata l-methadone ukoll mill-is-spiżeriji mhux bilfors minn hawnhekk. Nixtiequ wkoll li t-transizzjoni ta’ dawk il-persuni li jkunu ġejjin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew minn Monte Karmeli tkun aktar faċli. L-infermiera f’dan ir-rigward delikat u speċjalizzat għandhom ikunu ħafna attenti biex jaraw li kollox qed jimxi kif suppost.

Min hemm iżjed jaħdem fi SMOPU?

Nixtieq insemmi żewġ irwoli importanti ferm li jaħdmu fid-Detox. Hawn għandna żewġ ħaddiema soċjali li jkunu jistgħu jsegwu l-pazjent li jkollu bżonn l-għajnuna b’mod urġenti u li ma jkun qed isegwih ħadd. Xi kultant ikollhom bżonn jew ċertifikat, jew għajnuna għax jispiċċaw bla saqaf fuq rashom jew li jkunu skomdi għall-aħħar u jkunu jridu jiġu riferuti f’Monte Karmeli għal aktar kura. Irwol ieħor delikat u importanti ferm huwa wkoll tal-ispiżjara fejn din tiffirma għall-methadone li tasal kull ġimgħa. Il-methadone tiġi darba fil-ġimgħa f’ħafna sigurtà u fil-preżenza tal-ispiżjara li din tkun trid tiffirma għall-ammont li jkun daħal hawnhekk. Hija l-ispiżjara wkoll li tkun trid tiffirma kemm ħarġet methadone u kemm fadal fuq l-ixkaffa ta’ kuljum. Ta min jgħid li kull flixkun methadone li joħroġ minn hawn irid jiġi skenjat u jinżamm rekord tiegħu fejn spiċċa. Dan l-iskenjar jidħol fi programm li huwa kontrollat saħansitra anke mill-Europol. Il-methadone hija sustanza li hija ħafna kontrollata u tista’ tingħata biss mid-Detox. Mhux se ssibha fl-ebda post jew spiżerija oħra għalhekk kull flixkun irid jiġi skenjat għal sistema Ewropeja. Għandna wkoll servizz importanti li mintix se ssib fi spiżeriji oħrajn għax hawnhekk nistgħu nagħtu mediċini lill-pazjenti saħansitra kull jumejn mhux bħal spiżeriji oħrajn kull xahrejn. Hija l-ispiżjara li trid tipprepara dawn il-boroż ta’ mediċini għall-pazjenti biex imbagħad titqassam minnha jew mill-infermiera. Xi ħadd li mhuwiex daqshekk stabbli aħna nistgħu ma nafdawlux mediċini li huma gravi għal tul ta’ żmien iżda nipprovdulu biss għal jumejn. Dan iseħħ biex b’hekk innaqqsu r-riskju tal-overdose. Dan kollu jseħħ b’tim dedikat li jħobb xogħlu ħafna b’dedikazzjoni u kieku ma jkunx hekk ikollna ħafna iktar diżgrazzji. Aħna għandna rata vera baxxa ta’ każi ta’ overdose li jsiru kemm minn mediċini u anke mill-methadone għax ikkontrollajniha tajjeb ħafna u ninsab kuntenta ferm bis-suċċess u dedikazzjoni tax-xogħol li nwettqu.

Is-SMOPU huwa parti important fis-Sedqa. Kif taħdmu flimkien mal-bqija tat-tim?

Li huwa differenti mill-kumplament ta’ Sedqa huwa li hawn huwa l-uniku post li hawn it-tobba. Kemm fil-Caritas u lanqas fl-OASI ma ssib tobba u hawnhekk għaldaqstant aħna nservu lil kulħadd. Ma jfissirx li għax pazjent ikun qed jattendi jew il-Caritas jew l-OASI aħna ma narawhx, iżda l-kontra għax hawnhekk aħna naraw lil kulħadd. Kull min għandu problemi ta’ sustanzi ta’ dipendenza hawn biss isib l-infermiera u t-tobba. Aħna ma naħdmux biss mal-addictions team u l-prevention team tas-Sedqa iżda naħdmu wkoll anke mat-timijiet tal-Caritas u OASI. Din hija mportanti ħafna u nixtiequ li tibqa’ hekk għax hawn għandek is-sens li tista’ tara l-pazjenti kollha. Fejn tidħol is-Sedqa għandna arranġament li darba fil-ġimgħa l-pazjenti kollha li jixtiequ jibdew jaraw tabib għandna l-Multi Disciplinary Team li huwa magħmul minn tabib, psikologu u ħaddiema soċjali. Min għandu problema ta’ dipendenza ta’ droga eroina, kokaina, kannabis, logħob tal-azzard jew xi vizzju ieħor, l-ewwel post li għandu jmur huwa s-Sedqa. Il-pazjent li jkun talab l-għajnuna se jarah dan it-tim fil-ġimgħa ta’ wara. Dan huwa lussu kbir għax tmur fejn tmur fid-dinja m’intix se ssib li jarak tabib f’daqshekk qasir żmien. Jekk nieħdu l-Ingilterra pazjent irid jistenna sentejn jew tlieta biex jarah tabib fuq d-dipendenza u hawn Malta f’ġimgħa waħda se jarak xi ħadd li hija xi ħaġa inkredibbli li jirnexxielna nagħmluha. Mhux bilfors li l-persuna tara t-tabib iżda tista’ tkun il-psikologa jew il-ħaddiema soċjali. Aħna mxejna ’l bogħod mill-kontroll mediku u nemmnu li mhux biss it-tabib jista’ jgħin il-pazjent. Jekk il-pazjent ikollu bżonn tabib allura ssir laqgħa fejn flimkien jitfassal pjan ta’ kura lill-pazjent flimkien mal-ħaddiem soċjali u t-terapista. Dan huwa l-iktar mod faċli li naħdmu ma’ Sedqa. Flimkien inkunu qed naraw l-aħjar ħaġa li għandu bżonn il-pazjent. Flimkien imbagħad niddeċiedu x’għandu bżonn il-pazjent. Hemm min ikun jeħtieġ għajnuna biex insibulu xogħol jew saħansitra saqaf fuq rasu. Hemm min ikun meħtieġ li jattendi programm per eżempju. Ovvjament naħdmu ħafna mill-qrib mal-Komunità Santa Marija fejn isir il-programm residenzjali tagħna. Hemmhekk kull ġimgħa jmur it-tabib Gianluca Bezzina biex mill-qrib ikun jista’ jara l-progress tal-pazjent u x’għandu bżonn. Il-Komunità Santa Marija għandha l-ispeċjalità tagħha fejn pazjent jista’ jibqa’ bil-mistura tul il-programm kollu u saħansitra toħroġ mill-programm bil-mistura u għal dan il-fatt li t-tabib ikollu bżonn jissorvelja sew il-pazjent. Prattikament dak huwa l-mod li naħdmu ma’ Sedqa li hija l-aġenzija nazzjonali fi ħdan l-FSWS.

Sport