Tuesday, April 30, 2024

Fil-Kolumbja: Erbgħa mejta u għexieren feruti wara li ġġarrfet arena tal-barrin

Aqra wkoll

Minn tal-inqas erba’ persuni tilfu ħajjithom filwaqt li iktar minn 300 sofrew ġrieħi fi traġedja li seħħet fl-arena tal-barranin ġewwa l-Kolumbja. 

Filmati li ġew imxerrda fuq il-midja internazzjonali kienu juru kif l-istruttra tal-injam għolja tliet sultari u li kienet mimlija daqs bajda bin-nies ikkollassat. L-arena hija dik ta’ El Espinal. Hekk kif seħħ dan, il-barri li kien qiegħed f’din l-arena kompla jattakka lin-nies. L-avveniment li kien qiegħed jittella’ huwa magħruf bħala “corraleja” u fih nies mill-pubbliku jkunu jistgħu jidħlu fl-arena u “jisfidaw” lill-barri. Dan l-avveniment kien parti mill-festa popolari ta’ San Pedro. 

Il-gvernatur ta’ Tolima Jose Ricardo Orozco qal li l-mejtin huma żewġ nisa, raġel u tifel. Uffiċjali mediċi qalu li l-isptarijiet taw trattament lil xejn inqas minn 322 persuna u erbgħa minn dawn jinsabu fit-taqsima tal-kura intensiva. Orozco qal li huwa se jkun qiegħed jieħu passi biex l-corralejas tinqata’ mir-reġjun li jmexxi hu hekk kif din hija perikoluża għan-nies u krudili mal-annimali.

Min-naħa tiegħu l-President ux­xenti Ivan Duque qal li dwar dan se jkun hemm investigazzjoni, filwaqt li l-President-elett Gustavo Petro sejjaħ lill-uffiċjali biex avvenimenti ta’ dan it-tip jiġu pprojbiti. Petro qal, “jien inħeġġeġ lis-sindki biex ma jippermettux avvenimenti fejn ikun hemm ir-riskju ta’ mwiet ta’ nies u annimali.” 

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm rapporti ta’ numru ta’ persuni li weġġgħu waqt il-corralejas f’El Espinal, filwaqt li iktar kmieni dan ix-xahar raġel inqatel minn barri waqt il-corraleja ġewwa l-belt ta’ Repe-lon.

Sport