Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal li l-poplu ta’ rieda tajba jaf li kien dan il-Gvern li ħareġ lil Malta minn dak li sejjaħlu “żmien id-dlam fejn jidħol is-Saltna tad-Dritt.”
Huwa enfasizza li l-Gvern se jkompli jwassal ġustizzja li tirrispetta d-dinjità umana u tadatta għar-realtajiet tal-lum. “Minn riformi fl-inkjesti maġisterjali, li jsaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u l-kontabbiltà tal-esperti, dan il-Gvern qed jibni sistema ġudizzjarja aktar effettiva, umana u trasparenti.
“Riformi li jagħtu t-tieni ċans lil min juri rieda li jbiddel ħajtu u nsaħħu l-protezzjoni ta’ dawk vulenrabbli. Tajna valur u serħan il-moħħ l-uffiċjali pubbliċi li jaġixxu b’serjetà.
“Qed naħdmu għal standards ogħla fil-Ġudikatura, meta minkejja r-reżistenza tal-Oppożizzjoni, daħħalna Kummissarju għall-Istandards bi ftehim mal-Ġudikatura.
“Il-Qorti Kummerċjali u t-tisħiħ tat-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar.
“U mhux se nieqfu hawn, inħares ’il quddiem għal aktar riformi inkluż fil-Qorti tal-Familja u fil-proċedura tal-kumpilazzjoniijet,” qal il-Ministru Attard.
“Għaliex f’dan il-pajjiż hawn min jitkellem fuq is-Saltna tad-Dritt. Hawn min juża s-Saltna tad-Dritt biex jagħmel ħsara lill-pajjiżu. U hawn min bħalna jaħdem bla heda u jinvesti bla preċedent biex is-Saltna tad-Dritt tkompli tissaħħaħ b’risq iċ-ċittadini,” temm jgħid il-Ministru Attard.
Fi tmiem id-dibattitu ttieħed vot dwar il-mozzjoni kif imressqa mill-Gvern li għaddiet b’39 vot favur u 31 kontra.