Tuesday, May 14, 2024

“Aħna mhux persuni marbutin mal-karità iżda għandu jkollna drittijiet bħal ħaddieħor”

Jgħid dan il-Membu Parlamentari Oliver Scicluna, rebbieħ tal-Premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-settur tad-diżabilità

Aqra wkoll

Riċentement sar avveniment ferm importanti bl-isem ta’ Premju Soċjetà Ġusta, li fuq kollox hi ċelebrazzjoni ta’ inklużjoni u abbiltajiet differenti. Il-Membru Parlamentari Oliver Scicluna, ingħata l-premju għall-Kisba Tul il-Ħajja fis-settur tad-diżabilità.

Oliver Scicluna m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni hekk kif għamel żmien mhux ħażin bħala kummissarju tal-persuni b’diżabilità. Hu onora dan ir-rwol bl-aqwa mod possibbli fejn bħal predeċessuri tiegħu rsista kemm felaħ sabiex persuni bi bżonnijiet speċjali jkollhom aktar drittijiet u jkunu inklużi fis-soċjetà.

Scicluna jista’ jitqies bħala pijunier għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. Hu waqqaf numru ta’ għaqdiet mhux governattivi relatati ma’ dan is-suġġett u kien jagħti diversi pariri lill-gvern dwar it-twettiq ta’ politika nazzjonali favur dawn il-persuni. 

Fis-sena 2014 hu ġie maħtur bħala ċ-chairman tal-kummissjoni nazzjonali ta’ persuni b’diżabilità u sentejn wara kien ukoll l-ewwel kummissarju li kellu rwol li jissalvagwardja aktar drittijiet lil dawn il-bnedmin.

Fit-18 ta’ Jannar li għadda, hu rriżenja mill-kariga ta’ kummissarju tal-persuni b’diżabilità sabiex jieħu l-ġurament bħala membru parlamentari.

Oliver Scicluna nħatar deputat Laburista wara li ftit tal-jiem qabel, il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu ressaq l-isem ta’ Oliver Scicluna quddiem il-Grupp Parlamentari Laburista. Huwa ġie approvat b’mod unanimu.

Talk.mt ħadet il-kummenti tad-Deputat Scicluna fejn kien ferm kuntent bl-unur li ngħata għalkemm dejjem saqajh mal-art li jkompli bil-ħidma tiegħu favur persuni b’diżabilità.

Staqsejnieh jekk wieħed jistax jattribwixxi dan l-unur li ngħata lejn il-ħidma meta kien kummissarju għall-persuni b’diżabilità jew inkella għax bħala membru parlamentari qed ikompli din il-ħidma mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. 

“L-ewwel u qabel kollox napprezza li ksibt dan l-unur li narah rikonoxxenza għal dak li ħdimt għalih tul dawn l-aħħar snin fejn għandu x’jaqsam persuni b’diżabilità. Minkejja kollox, jien narah obbligu għalija li naġixxi u nara li jkun hemm aktar inklużjoni f’dan ir-rigward.”

Scicluna jgħidilna li fl-opinjoni tiegħu hu m’għamel xejn speċjali għax dak hu xogħlu għalkemm jieħu gost min japprezza l-ħidma tiegħu.

“Iddedikajt tmien snin sħaħ naħdem bla heda sabiex id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità jiġu salvagwardjati. Dan hu rwol li nagħmlu b’passjoni kbira u nieħu pjaċir ngħin lil min veru għandu bżonn.”

Hu jkompli jgħid li ġieli jiġu mumenti fejn iħoss in-nuqqas tar-rwol ta’ kummissarju għall-persuni b’diżabilità partikolarment dawk in-nies li kien jaħdem magħhom. Madankollu issa hu konxju mill-fatt li hu membru parlamentari u għalhekk jista’ jkompli l-ħidma tiegħu sabiex ċerti liġijiet jiġu attwati. Hu jinsab fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u għalhekk hi sfera kompletament differenti minn dak li kien imdorri biha. Madankollu hu qed jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu partikolarment dawk in-nies b’diżabbiltà, anzjani jew inkella familjari tagħhom. L-għan tiegħu hu dejjem wieħed; l-għajnuna lil min għandu bżonn u fuq kollox għandu dritt għaliha.

Oliver Scicluna jqis dan il-premju bħala għarfien għall-ħiliet li għandhom persuni b’diżabilità. Hu semma’ l-eżempju ta’ Jacob Cachia li ngħata l-Premju Soċjetà Ġusta 2021 fl-istess serata u li għamel suċċess minkejja kull ostaklu li ġieh fil-ħajja.

“Bla dubju li Jacob hu eżempju ta’ reżiljenza, determinazzjoni u kuraġġ minkejja kull problemi li ltaqa’ magħhom. Hu qatt ma qata’ qalbu tant li llum għandu l-business tiegħu. Dan hu wkoll rikonoxximent għalih li wasal fejn wasal minħabba li għamel l-almu tiegħu fil-ħajja li żgur li ma kinitx għan-niżla.”

Scicluna jgħid li hu kellu ċ-ċans li jkun parti mill-bord tal-għażla f’dawn l-avvenimenti. Illum il-ġurnata jinsab fuq in-naħa tal-munita l-oħra u jinsab kuntent li fil-ħidma tiegħu tul is-snin, dan l-avveniment kompla jsir u jikber dejjem aktar. 

Tkellimna ma’ Oliver dwar l-isfidi li ltaqa’ magħhom tul dawn l-aħħar snin. Hu qalilna l-isfidi dejjem jinbidlu tul is-snin għalkemm waħda partikolari li dejjem jisħaq fuqha hi proprju l-edukazzjoni tal-poplu.

“Irridu nkomplu ngħallmu lill-poplu u nbiddlu l-perspettiva li sfortunatament għadha teżisti sal-lum il-ġurnata. Qed nitkellem dwar il-fatt li n-nies jużaw aġġettivi bħal miskin jew jaħasra li llum il-ġurnata ma narahomx aktar adattati. Aħna qed nitkellmu dwar drittijiet li n-nies b’diżabilità importanti li jkollhom. Fuq kollox, aħna mhux persuni li marbutin mal-karità iżda li għandu jkollna drittijiet bħal ħaddieħor. Qed inkomplu naħdmu f’dan ir-rigward biex naslu għal aktar inklużjoni f’kull sens.”

Finalment dan il-ġurnal staqsieh dwar l-isfidi li jara llum il-ġurnata għall-persuni b’diżabilità. Hu jgħidilna li trid tkompli tiżdied l-aċċessibbiltà u nżidu aktar inklużjoni, punti li qegħdin ukoll imniżżla fl-istrateġija nazzjonali. Huwa għalhekk li d-diskussjoni tkompli sabiex ċerti sfidi msemmija jkomplu jonqsu u eventwalment iktar persuni jkunu nklużi bid-dritt fis-settur tax-xogħol u tal-edukazzjoni. Wara kollox anke dawn in-nies qed jikkontribwixxu għat-tkabbir soċjali u ekonomiku tal-pajjiż. 

U jekk nitkellmu dwar il-ġlieda favur il-klima u s-sostenibbiltà tal-pajjiż, tidħol ukoll l-aċċessibbiltà li mhux biss marbuta ma’ bankini jew rampi iżda f’sens akbar minn hekk.

Finalment stajna ninnutaw kemm Scicluna għandu viżjoni li jkompli jaħdem għall-inklużjoni ta’ dawn in-nies. Dan kollu jista’ jseħħ minħabba d-determinazzjoni u l-kuraġġ li għandu u għalhekk il-ħidma tiegħu tkompli għal aktar opportunitajiet indaqs. 

Sport