Sunday, May 19, 2024

Floriana jsaħħu t-tieni post … jikber l-inkwiet għal Sliema W.

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Floriana …………………2

Sliema Wanderers …….0

F’dak li hu magħruf bħala l-Old Firm Derby, Floriana għelbu l-isfida ta’ Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-0 biex b’hekk saħħew it-tieni post waqt li l-Wanderers baqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika b’erba’ punti biss u b’hekk teżisti possibbiltá kbira li wara 37 sena jerġgħu jiġu relegati.

Kienet rebħa meritata għall-Greens hekk kif kienu l-aħjar team  u t-tkeċċija ta’ Kurt Shaw għall-Wanderers fit-58 minuta kienet detrimentali għalihom hekk kif sussegwentement dehru miftuħin fid-difiża.

Kien biss fis-27 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota bil-Greens ikunu huma li joħolqu l-periklu b’Eugeniu Rebania japprofitta minn indeċiżjoni fid-difiża tal-Wanderers qabel kellu x-xutt tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper Timmy Aquilina, biex mir-rebound Andrei Ciolacu reġa’ sab lil Aquilina attent.

Il-Wanderers wieġbu eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ xutt minn ta’ Inters Gui li għadda ftit barra.

Floriana reġgħu ħolqu l-periklu ftit wara permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Brandon Paiber li ntemm ukoll ftit barra.

Fit-58 minuta Sliema Wanderers qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players hekk kif tkeċċa Shaw permezz ta’ karta ħamra diretta għal foul ikrah li kkommetta f’tarf il-kaxxa fuq is-sostitut Daniel Agius, li kien ilu biss ftit sekondi fil-ground. Mill-free-kick li rriżulta, BRANDON PAIBER irnexxielu jsib ix-xibka permezz ta’ xutt mill-isbaħ li ma ħafirx.

Żewġ minuti biss wara, Paiber, kien għoddu rreġistra doppjetta iżda kellu x-xutt jiġi salvat bi bravura minn Aquilina.

Iżda fl-84 minuta huma ssiġillaw ir-rebħa permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa tas-sostitut KRISTIJAN KEQI li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Slimiż isalva.

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend, 4-Oaualid El Hansi, 5-Za­chary Cassar, 11-Andrei Ciolacu (7-Augusto Caseres 83), 20-Nicolas Garcia, 22-Brandon Paiber (99-Manolito Micallef 83), 28-Emiliano Callegari, 29-Eugeniu Rebenja (9-Kristijan Keqi 57), 30-Jan Busuttil (96-Daniel Agius 57), 77-Aleandro Garzia (94-Ryan Camenzuli 57) – Coach: Gianluca Atzori

SLIEMA W.: 1-Timmy Aquilina, 3-Juan Pablo Morales Rengifo, 5-Kurt Shaw, 8-Mark Scerri (6-Gabriel Aquilina 57), 9-Omar Elouni (19-Jake Engerer 46), 10-Inters Gui (21-Danny Holla 77), 18-Edmond Agius, 25-Yuki Uchida (30-Jean Paul Farrugia 62), 61-Myles Beerman, 88-Dejan Vukovic, 99-Valmir Berisha – Coach: Andrea Pisanu

REFEREE: Trustin Farrugia Cann

ASS. REFEREES: Luke Portelli, Mark Ciantar

RABA’ UFF: Ezekiel Barbara

SKORERS: B. Paiber 59, K. Keqi 84 (F)

AMMONITI: E. Callegari (F), M. Scerri, E. Agius , J. P. Morales Rengifo (SW)

TKEĊĊA: K. Shaw 58 (SW)

Sport