Friday, December 13, 2024

“Aħna partit li mhux biss joħlom u jemmen b’viżjoni imma li jaħdem u jwelled bidla wara bidla”

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li huma partit li mhux biss joħlom u jemmen b’viżjoni imma wkoll li jaħdem, iwettaq u jwelled bidla wara bidla.

Huwa qal dan waqt il-Kunsill Ġenerali tal-lejla fejn din il-laqgħa kellha l-għan li tapprova l-Programm Elettorali tal-PN li huwa lista ta’ proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista. Ġie spjegat li l-viżjoni tagħhom tiffoka fuq 25 pakkett ta’ miżuri speċifiċi u 550 proposta konkreta.

Il-programm elettorali bit-tema ‘Viżjoni Għal Malta 2030’ jiffoka fuq 25 pakkett ta’ miżuri speċifiċi. Fost l-oħrajn dawn jinkludu l-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda, enfasi fuq it-tisħiħ tal-pesjonijiet u anzjanità attiva, impjiegi b’pagi aħjar u proprjetà affordabbli. Grech aċċenna għall-fatt li l-viżjoni tagħhom hija waħda li tinċentiva l-kunċett imsejjaħ ‘ESG’, liema kunċett għandu fil-qofol tiegħu l-ambjent, ir-responsabbiltà soċjali u l-governanza.

“Din tal-lum hija ġurnata storika – ġurnata li tiċċelebra l-ħajja u l-istorja twila u glorjuża ta’ dan il-Partit”.

“Għal 100 sena emminna u ħdimna. L-ewwel bidla bażika, il-bidu ta’ kull ġid, li pajjiżna ma jibqax kolonja tal-barrani imma jsir nazzjon, stat sovran u indipendenti. Hekk tfisser il-kuruna kulur id-deheb fuq l-emblema tal-partit – tfisser sovranità u li rridu nkunu aħna li naħdmu u navvanzaw għal dan il-pajjiż,” qal Grech.

Qal li meta jagħmlu l-ġid, il-ġid igawdi minnu kulħadd. F’dan l-isfond huwa semma l-akbar proġett ta’ ġid f’dan is-seklu li kienet is-sbuħija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Grech qal: “Kien hawn min dak iż-żmien beża’, kien hemm min ma emminx fil-kapaċità tal-Maltin u l-Għawdxin. Ħaddiehor, tal-Labour, raw makku. Imma Eddie Fenech Adami u sħabu raw ħaddiema ħawtila, bieżla, bravi, intelliġenti, mimlijin kuraġġ u fiduċja li sarfuhom f’suċċess mill-akbar fl-istorja tal-UE.”

“Imma l-PN, minkejja s-suċċessi kbar li kellu u ġab għal pajjiżna fl-imgħoddi, żgur li mhux partit mingħajr difetti u mhux partit li ma jiżbaljax. Tan-nuqqasijiet u l-iżbalji, iddispjaċina u jibqa’ jiddispjaċina. Tlabna maħfra lil kull min ħass li nqasnih imma nafu li n-nuqqasijiet u l-iżbalji mhumiex hemm biex nibqgħu taħthom imma nitgħallmu minnhom u b’kuraġġ nimxu ‘l quddiem. Aħna partit li mhux biss joħlom u jemmen b’viżjoni imma wkoll li jaħdem, iwettaq u jwelled bidla wara bidla. Trasformazzjoni sħiħa u storika għal dan il-pajjiż,” kompla Grech.

Żied jgħid l-istorja turi bil-fatti li f’kull mument tan-nifs tiegħu l-PN dejjem kien ‘miegħek għal Malta’ u qal li dik l-għajta sarfuha f’ġid, xogħol, saħħa, edukazzjoni għal poplu kollu u uliedu.

“Bil-lista friska u varjata tal-kandidati li qed nippreżentaw, b’dan il-manifest elettorali, qed nistiednu lill-poplu kollu biex flimkien nirrealizzaw is-sejħa li qed tagħmlilna Malta u pajjiżna, is-sejħa li l-ġid tagħna, ta’ uliedna u tal-familji, jeħtieġ li ssib bażi ġdida. Din hija l-bażi ġdida li qed infissrilkom fil-manifest. L-ewwel pass irridu nieħduh flimkien. L-ewwel bidla bażika hija l-bidla tal-gvern,” qal Grech.

Ekonomija

Sport