Thursday, December 26, 2024

“Aħna qed nintrabtu bi proposta li titwettaq f’leġiżlatura waħda” – Bernard Grech

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ftit tal-ħin ilu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, huwa ppreżenta l-viżjoni tal-Partit rigward it-trasport u l-mobbiltà f’Malta. Huwa qal li l-ammont ta’ traffiku qed jiżdied kuljum u għalhekk li tivvjaġġa madwar Malta sar diffiċli wisq. Għaldaqstant kompla jgħid li jeħtieġ illi jkollna viżjoni ġdida tat-trasport f’pajjiżna, għax it-trasport pubbliku mhux għażla preferuta mill-poplu. Huwa żied jgħid li “L-Gvern Laburista m’għandux pjan u għadu qed jaħbi l-programm elettorali tiegħu”. 

Grech saħaq li s-soluzzjoni għall-konġestjoni tat-traffiku mhix il-metro “li ma naffordjawhiex”, imma li nsibu sitwazzjoni iżjed prattika sabiex naqilbu għall-użu tat-trasport pubbliku. Din is-sistema trid tkun waħda aktar nadifa u effiċjenti, li skontu din tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ Gvern Nazzjonalista.

Grech propona numru ta’ inċentivi li se jkun qed iwettaq Gvern Nazzjonalista jekk fis-26 ta’ Marzu jingħata l-fiduċja mill-poplu għall-ħames snin li ġejjin:

– Tkattir għar-remote working.

– Użu ta’ mini jew underpass fejn m’hemmx għażla oħra.

– Għotja ta’ €10,000 mifruxa fuq 5 snin biex il-familji jeħilsu mill-vettura antika tagħhom.

– Traħħis b’20% għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi f’kull ħin tal-ġurnata.

– Proponiment ta’ trackless tram. Wiegħed li se tkun lesta f’5 snin. Din se tkun qed tkopri 48 lokalità. 

– Wegħda ta’ inċentivar għal dawk il-ħaddiema li jagħżlu li jmorru x-xogħol bir-rota. 

Grech wiegħed li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jintrabat bi proposta li titwettaq f’leġiżlatura waħda.

Fl-aħħar nett huwa għalaq id-diskors tiegħu billi sostna li “L-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu, anki fejn jidħol l-investiment tal-infrastruttura f’pajjiżna”.

Ekonomija

Sport