Saturday, December 21, 2024

“Aħseb dwar dak li kapaċi tagħmel, u kemm tista’, agħmlu” – Joseph Debono

Aqra wkoll

Kulħadd jafu bħala ‘James Bondin’ – il-karattru satiriku fil-programm tant popolari Xarabank. Ftit tax-xhur ilu ħakmitu l-marda tal-ALS li qed iċċaħħdu milli jkun mobbli u anke milli jitkellem. Madankollu, xorta waħda jġorr miegħu spirtu pożittiv u jinkoraġġixxi lil kulħadd biex dejjem iħares ‘il quddiem fil-ħajja mimlija tlugħ u nżul.

Nhar il-Ħadd li ġej se jkun qed jieħu sehem fil-maratona li se tkun qed tgħin biex tinbena t-‘Tieni Dar Bjorn’.

Tkellimna ma’ Joseph Debono nnifsu fejn tana iktar dettalji rigward kif jinsab bħalissa. 

Bdejna biex saqsejna lil Joseph kif jinsab?

Insomma. Ma niċċaqlaqx, u issa lanqas nitkellem ma nista’. Imma m’inix muġugħ. 

X’jikkummenta fuq l-ALS?

Marda kiefra, li titfi persuna bil-mod. U li s’issa m’hemmx kura għaliha. Jien nista’ nċaqlaq għajnejja biss. 

Kif inbidlet ħajtu?

Ta taħt fuq. Filli indipendenti u tista’ tagħmel kollox, u f’salt wieħed tiddependi fuq ħaddieħor għal kull ħaġa li trid tagħmel. Tlift ukoll il-privatezza. 

U kif qed iħares lejn il-ħajja bħalissa?

Daqqa ‘l fuq u daqqa ’l isfel. Iżda, peress li nista’ nħaddem il-laptop b’għajnejja, iktar pożittiv milli le. Bil-laptop nista’ nikkomunika, nikteb, nara l-gazzetti. Hemm inħossni ftit indipendenti.

Saqsejnieh kif jirnexxielu jibqa’ pożittiv minkejja din il-marda? 

Mhux faċli. Kull filgħaxija qabel norqod, niftakar x’inkun għamilt matul il-jum, u nirringrazzja ‘l Alla ta’ dak li nkun għamilt. Dan jagħtini enerġija u kuraġġ għall-għada. 

X’sapport isib mill-familjari u ħbieb tiegħu?

Ħafna. L-aktar il-mara, Tanya, li tieħu paċenzja bija il-ħin kollu. Jiddispjaċini li ħarbattilha ħajjitha. Uliedi, u ħuti dejjem jgħinu fejn ikun hemm bżonn. U xi ħbieb ukoll. 

Tlabna l-kummneti tiegħu fuq Bjorn Formosa…

Bjorn huwa l-bniedem li tani l-għajnuna mill-ewwel. U baqa’ jagħtini.  Kull meta niġi bżonn xi ħaġa tara lil Maria ġejja biha. Peró Bjorn jgħinni wkoll moralment. Meta nitkellem miegħu dwar xi problema, dejjem ikollu kliem ta’ kuraġġ u pożittivitá. M’għandix kliem biex nirringrazzjah.  

U fuq Dar Bjorn?

Fuq Dar Bjorn ma tantx naf għax jien għadni noqgħod id-dar. U minħabba l-Covid-19 qatt ma dħalt iktar ‘il ġewwa mill-uffiċċju. Li naf li hi dar fejn min hu bħali jista jgħix b’dinjitá. 

Saqsejna lil Joseph kemm iħoss li hemm bżonn li tinbena it-‘Tieni Dar Bjorn’?

Ħafna. L-ewwel waħda ilha mimlija. U hawn pazjenti oħrajn li jeħtieġu post bħal dan. Għalhekk huwa importanti li nhar il-Ħadd 26 ta’ Settembru,  kulħadd jgħin fil-maratona tal-ġbir. 

Finalment tlabna lil Joseph jgħaddi messaġġ finali lil min bħalu jinsab maħkum mill- marda tal-ALS biex bħalu jħares ‘il quddiem lejn il-ħajja b’mod pożittiv.

Il-ħajja mimlija nżul u tlajja. Meta t-telgħa tkun wieqfa, issir iebsa ħafna. Imma dejjem nistgħu nippruvaw nagħmlu pass. U għada pass ieħor. U fit-triq niltaqgħu ma oħrajn li jagħtuna daqqa t’id. Jew oħrajn li nagħtuhom daqqa t’id aħna. Kultant kelma ta kuraġġ, telefonata, anki tbissima, tista’ tagħmel ħafna ġid. Kemm tista’, żomm ruħek attiv mentalment. Aħseb dwar dak li kapaċi tagħmel, u kemm tista’, agħmlu. 

Ekonomija

Sport