Saturday, November 23, 2024

Air Malta tħabbar numru sostanzjali ta’ tkeċċijiet fost il-bdoti u l-cabin crew

Aqra wkoll

F’komunikat il-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta qalet li se tkun qed tkeċċi 108 bdot u 139 cabincrew. Dan wara li taħditiet mal-unjins li jirrappreżentaw lis-sezzjonijiet diversi tal-impjegati biex il-pagi tal-impjegati jitnaqqsu għal €1,200 fix-xahar irriżultaw fix-xejn.

Kienet l-Unjin tal-Inġiniera biss li aċċettat l-offerta mressqa mill-Air Malta, wara li 90% tal-impjegati tagħha vvotaw favur il-miżura.

Air Malta qalet li fiċ-ċirkostanzi attwali tal-pandemija tal-Covid-19 l-operat tat-titjiriet naqa għal żewġ titjiriet kuljum, b’paragun mal-iskeda medja ta’ 20 titjira kuljum.

Il-linja tal-ajru tenniet li s-sitwazzjoni tirrifletti wkoll l-ammont straordinarju ta’ kanċellazzjonijiet u ħlas lura lill-klijenti, obligazzjonijiet oħrajn fissi, u pagamenti ta’ kiri tal-ajruplani wasslu biex il-kumpanija tinneċessita minn mitigazzjoni ta’ spejjeż, inkluż f’dak li jirrigwarda pagi.

Fid-dawl li kemm l-Unjin tal-Cabin Crew, u anke l-ALPA ma aċċettawx l-offerta tal-Air Malta, il-kumpanija kellha tieħu d-deċiżjoni li impjegati li jaqgħu taħt il-ftehim kollettic tal-UCC u l-ALPA kienu se jitkeċċew kaġun taċ-ċirkostanzi u n-nuqqas ta’ ftehim mal-istess unjins dwar miżuri ta’ mitigazzjoni ta’ spejjeż.

Air Malta qalet li attwalment 333 impjegat jaqgħu taħt il-ftehim kollettiv iffirmat mal-UCC, b’188 minnhom fuq kuntratt indefinit, filwaqt li 145 oħrajn b’kuntratt definit.

Dawk l-impjegati fuq kuntratt għal perjodu definit ġew notifikati li l-kuntratt tagħhom mhux se jkun qed jiġi mġedded wara li jiskadi.

Apparti dan il-kumpanija qalet li 139 cabincrew oħrajn fuq kuntratt indefinit ukoll se jkollhom jitkeċċew.

Fir-rigward tal-bdoti li jaqgħu taħt il-ftehim kollettiv iffirmat mal-ALPA, li jammontaw għal 134 bdot b’kuntratt indefinit, Air Malta qalet li 108 bdot se jkunu qed jitkeċċew.

Il-linja tal-ajru tenniet li l-bqija tal-impjegati se jkunu suffiċjenti biex tibqa’ topera fuq il-livelli ta’ operat attwali li mistenni li jibqa’ fis-seħħ għal numru ta’ xhur.

Il-maniġment ta’ Air Malta diġà aċċetta tnaqqis sinjifikanti fis-salarji u kif ukoll it-tneħħija ta’ allowances u perkaċċi minkejja li għadhom qed jaħdmu biex isalvaw il-futur tal-linja tal-ajru.

Sport