Sunday, December 22, 2024

Ajruplan privat jiġġarraf b’mod misterjuż fil-Baħar Baltiku

Aqra wkoll

Ajruplan privat żgħir iġġarraf fil-Baħar Baltiku ftit ’il barra mill-kosta tal-Latvja, liema każ seħħ taħt ċirkostanzi misterjużi. 

Ajruplani militari tan-NATO kienu ġew skjerati immedjatament hekk kif ġie nnotat li dan l-ajruplan kien qiegħed jittajjar mod erratiku. Dan l-ajruplan beda l-vjaġġ tiegħu min-Nofsinhar ta’ Spanja u kien mistenni li jinżel f’Cologne ġewwa l-Ġermanja, iżda minflok spiċċa ġġarraf fil-baħar Baltiku. 

Abbord dan l-ajruplan aktarx li kien hemm erba’ persuni, iżda kurjuż il-fatt li kemm il-piloti tan-NATO u anke l-uffiċjali Żvediżi li kienu qed isegwu dan l-ajruplan qalu li huma ma raw lil ħadd fil-kabina tal-ajruplan.  

Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili Latvjana fi stqarrija li ħarġet qalet li, “l-ajruplan kien qiegħed jivvjaġġa bejn Spanja u Cologne, iżda f’daqqa waħda biddel ir-rotta… it-torri tal-kontroll ma rnexxilux jagħmel kuntatt mal-persuni abbord.” L-awtorità qalet li l-ajruplan Cessna 551 kien irreġistrat fl-Awstrija iżda l-proprjetarju hu Spanjol.

Uffiċjali qalu li s’issa ma hemm l-ebda spjegazzjoni għal dak li seħħ, u wieħed jista’ biss jispekula. Li hu żgur hu li għal xi raġuni dawk abbord ma kellhom l-ebda kontroll ta’ dan l-ajruplan.

Ekonomija

Sport