Minn tal-inqas 13-il persuna mietu wara li ajruplan militari Russu baqa’ dieħel fi blokka ta’ appartamenti fil-belt ta’ Yeysk fin-Nofsinhar tar-Russja. Iż-żewġ piloti tal-jett Su-34, li kienu fuq titjira ta’ taħriġ, irnexxielhom joħorġu qabel l-ajruplan laqat il-binja.
Fost il-vittmi kien hemm ukoll tlitt itfal. 19-il persuna oħra weġġgħu u kellhom jittieħdu l-Isptar għall-kura. Il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li skont rapport mill-bdoti, ir-raġuni għall-inċident “kienet illi kien hemm nar f’waħda mill-magni waqt it-tluq.”
“Fil-punt fejn is-Su-34 beda nieżel, fil-bitħa ta’ blokka residenzjali, il-provvista tal-fjuwil tal-ajruplan ħadet in-nar,” żied jingħad. Filmati li ċċirkolaw fuq il-mezzi soċjali juru residenti lokali jippruvaw jgħinu lil wieħed mill-piloti, li jidher mixħut mal-art b’paraxut warajh.
Il-belt ta’ Yeysk tinsab qrib iż-żona tal-gwerra tal-Lvant tal-Ukrajna, madwar il-baħar ta’ Azov mill-belt meqruda ta’ Mariupol. Il-midja Russa rrapportat li studenti minn skola sekondarja fil-qrib kienu fost aktar minn 360 persuna li ġew evakwati mis-sit tal-inċident.