Akkużat b’abbuż sesswali fuq minuri ta’ seba’ snin – arrestat f’supermarket fin-Naxxar

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 24 sena jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal erba’ akkużi. Il-Pulizija intervistat lill-minuri permezz ta’ mezzi awdjoviżivi u tkellmet ukoll ma’ missieru

Sailesh Shrestha, residenti San Pawl il-Baħar, wieġeb mhux ħati għall-erba’ akkużi miġjuba kontrih waqt li tressaq taħt arrest quddiem il-Qorti tal-Maġistrati nhar il-Ġimgħa.

Il-każ jirrigwarda allegati abbużi li seħħew fil-25 ta’ Settembru li għadda jew qabel, f’Bormla u f’postijiet oħra madwar Malta.

Skont l-akkużi, il-minuri kien suġġett għal atti ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tiegħu, b’uħud mill-allegati reati jingħad li seħħew aktar minn darba.

Il-Pulizija tintervista lill-minuri u lil missieru

Mill-informazzjoni li ħarġet dwar l-investigazzjoni jirriżulta li l-Pulizija għamlet intervista awdjoviżiva mal-minuri, li issa għandu tmien snin.

L-investigaturi tkellmu wkoll ma’ missier it-tifel bħala parti mill-istħarriġ tagħhom dwar l-allegazzjonijiet.

Wara li ġie identifikat is-suspettat, l-Ispettur Wayne Buhagiar arresta lil Shrestha nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Novembru, għall-ħabta tas-2.48pm, waqt li kien fis-supermarket Welbee’s fin-Naxxar.

Jumejn wara, iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti biex jiffaċċja l-akkużi relatati mal-allegat abbuż.

Erba’ akkużi relatati ma’ abbuż u fastidju sesswali

Shrestha jinsab akkużat fost oħrajn b’korruzzjoni ta’ minuri taħt is-16-il sena, b’aggravju marbut mal-fatt li l-allegata vittma kellha inqas minn 12-il sena.

Huwa jinsab akkużat ukoll li ħeġġeġ, instiga jew iffaċilita l-korruzzjoni ta’ minuri.

Akkuża oħra tirrigwarda atti sesswali allegatament imwettqa mingħajr kunsens, bil-prosekuzzjoni ssostni li l-aġir kien ripetut u kien jinvolvi minuri vulnerabbli.

Ir-raba’ akkuża tikkonċerna fastidju ripetut, inkluż aġir ta’ natura sesswali mhux mixtieq.

L-akkużi kollha għadhom iridu jiġu ppruvati fil-Qorti.

Ebda talba għall-ħelsien mill-arrest

Waqt is-seduta, Shrestha ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża ma ressqitx talba għall-ħelsien mill-arrest, u għalhekk l-akkużat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-minuri.

​Għall-akkużat dehret l-avukata Nicole Attard.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Chantelle Mifsud u Wayne Buhagiar, flimkien mal-avukata Miriayah Borg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport