Illum, il-Pulizija ressqet b’arrest fil-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat Dr. Simone Grech LL.D, żewġt irġiel; wieħed ta’ 50 sena residenti x-Xewkija, Għawdex u l-ieħor ta’ 18-il sena residenti x- Xagħra, Għawdex.
Huma ġew akkużati li ġewwa x-Xewkija u f’diversi postijiet oħra ġewwa l-gżira ta’ Għawdex, nhar it-18 t’Awwissu, 2020, għall-ħabta tal-11:00 p.m u matul il-ġranet ta’ qabel, ġabu ruħhom b’mod li taw fastidju, ħolqu biża’ u heddu lil tliet persuni oħra. Huma ġew akkużati ukoll li kisru il-bon ordni.
Ir-raġel ta’ 50 sena ġie akkużat ukoll li nhar it-18 t’Awwissu, 2020, għall-11:00 waqt li kien qiegħed fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija u f’diversi toroq oħra fl-istess lokalita’, saq vettura b’manjiera traskurata, bla kont u perikoluża. Huwa ġie akkużat ukoll talli fl- istess data u ħin, waqt li kien fi Triq ir-Repubblika r-Rabat, Għawdex, ikkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa lil persuna oħra.
L-imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom u ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.