Ilu jinħass il-bżonn li jkun hemm servizz ta’ veterinarju 24 siegħa kuljum, seba’ darbiet fil-ġimgħa. Dan għax il-mard u l-inċidenti tal-annimali domestiċi ħadd ma jista’ jgħid meta se jiġru. Għaldaqstant l-aħbar li issa se jkun introdott hi ta’ sodisfazzjon għal dawk li jħobbu u għandhom għal qalbhom l-annimali.
Filwaqt li fl-imgħoddi kien hemm ċertu kritika ġustifikata għal nuqqasijiet f’dan is-settur, issa nittamaw li dawn l-istess kritiċi ma jibqgħux għaddejjin b’din ir-retorika ladarba se jkun hemm dan is-servizz li għandu jwassal biex finalment jerġa’ jinfetaħ l-Isptar tal-Annimali.
Bħal dejjem ninsistu li l-annimali għandhom jingħataw id-dinjità li tixraqilhom u mhux li jiġu abbandunati jew mormija fit-toroq. Dan qed ngħiduh għax mhux l-ewwel darba li ltqajna ma’ każi ta’ moħqrija jew abbandun ta’ annimali fosthom bħal dak li rajna riċentament f’Tas-Sliema fejn ġew maqtula diversi qtates fit-toroq. Każi bħal dawn ta’ min jistmerrhom, bil-Gvern qed iżid ukoll il-pieni f’każi ta’ moħqrija tal-annimali. Nemmnu li kull annimali jistħoqqlu kura u attenzjoni u mhux tbatija jew uġigħ bla bżonn.
Min-naħa l-oħra, bis-servizz li tħabbar dan l-aħħar, qed tiġi żgurata l-kura u l-benesseri tal-annimali matul il-ħinijiet meta s-servizzi veterinarji normalment ma jkunux disponibbli. B’hekk qiegħda tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti għal kura veterinarja ta’ emerġenza aċċessibbli u ta’ kwalità għolja madwar Malta u Għawdex.
Kif spjegat is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, din l-inizjattiva hija frott tax-xogħol kontinwu biex ikompli jissaħħaħ is-sistema ta’ għajnuna għall-annimali f’pajjiżna.
Nemmnu għalhekk li l-ħidma f’dan il-qasam għandha tkompli għaddejja biex jiġi assigurat li l-vuċi tal-annimali tinstema’ u li l-benesseri tagħhom tibqa’ prijorità fuq l-aġenda tal-Gvern. Aktar passi f’din id-direzzjoni, żgur mhux forsi, se jkunu ta’ benefiċċju kbir għall-annimali filwaqt li qed ikun assigurat li l-ħsibijiet u s-suġġerimenti tan-nies f’qasam daqstant importanti ma jaqgħux fuq widnejn torox.