Saturday, May 4, 2024

“Aktar bla skola milli skola… impossibbli taħdem”

Tliet ġimgħat wara xulxin b’ġurnata inqas u Klabb 3-16 magħluq minħabba nuqqas ta’ ħaddiema

Aqra wkoll

Is-sena skolastika diġà hija waħda pjuttost qasira. Meta wieħed jaqta’ l-vaganzi tas-sajf, tal-mid term holidays, tal-Milied u tal-Għid, il-ġranet li fihom l-istudenti f’Malta jmorru l-iskola huwa mnaqqar għal madwar 160 ġurnata mit-total ta’ 356 jum li fiha sena. Issa li t-tfal għadhom kemm daħlu lura mill-vaganzi tal-Għid, ġenituri ġew infurmati li l-fl-ewwel tliet ġimgħat ta’ Mejju, kull nhar ta’ Tnejn, it-tfal m’għandhomx skola u agħar minnhekk, Klabb 3-16 li s-soltu joffri s-servizz għal dawk il-ġenituri li jaħdmu, se jkun magħluq ukoll. Għaldaqstant, ħafna ġenituri m’għandhomx triq oħra ħlief li joqogħdu ma’ wliedhom u ma jmorrux għax-xogħol.

Il-ġranet inkwistjoni huma t-2, id-9 u s-16 ta’ Mejju. Barra minn dawn id-dati, it-28 ta’ April, li kien il-Ħamis li għadda,  għal ħafna tfal, ukoll kienet ġurnata oħra bla skola. Dawn il-ġranet li fihom it-tfal mhux qiegħed ikollhom skola huma problema kbira għal dawk il-ġenituri li jaħdmu. B’xi mod, sewwa jekk hux leave jew xogħol mid-dar, iridu jlaħħqu mal-kura ta’ wliedhom u l-karriera tagħhom. Ħafna minnhom qegħdin dejjem isibuha aktar diffiċli biex “jiġġustifikaw” l-assenza fiżika tagħhom minn fuq il-post tax-xogħol u dan b’mod speċjali għal dawk il-ġenituri waħidhom li m’għandhomx lill-parti l-oħra talternalhom il-ġranet li jridu jieħdu ħsieb lit-tfal. 

Ġenituri li qegħdin iħossuhom imsallba b’sitwazzjoni qalulna li wliedhom “aktar bla skola milli skola. Jekk mhux vaganzi, festa. Jjekk mhux festa, laqgħat tal-edukaturi. Kif tista’ taħdem b’dan il-mod. Impossibbli taħdem”. 

Il-Gvern joffri s-servizz ta’ Klabb 3-16 għal dawn il-ġenituri li jaħdmu u għaldaqstant fil-ġranet tal-vaganzi, avolja mhux kollha, it-tfal jistgħu jintbagħtu l-iskola fejn ikunu miġbura u mogħtija attivitajiet edukattivi waqt li l-ġenituri tagħhom ikunu x-xogħol. 

Fil-fatt, ħafna ħasbu li f’dawn l-erbat ijiem li kienet u se tkun magħluqa l-iskola, il-Klabb 3-16 kien se jkopri dawn il-ġranet iżda minn informazzjoni li għaddew l-istess ġenituri, dawn ġew infurmati li mhuwiex il-każ. Ir-raġuni li ngħataw għal dan in-nuqqas ta’ servizz huwa li ċ-ċentru mhuwiex se jopera minħabba li m’hemmx ħaddiema biżżejjed biex jaħdmu u jieħdu ħsieb l-ammont ta’ studenti waqt il-ġurnata kollha.

Sport