Tuesday, December 24, 2024

Aktar diżgwid u firdiet fil-PN

Aqra wkoll

Id-diżgwid li bħalissa qed jifni lill-Partit Nazzjonalista kompla jitkebbes b’dak li jumejn ilu ħarġu jghidu tas-Civil Society Network (CSN). Dawn tas-CSN filwaqt li ddesrievew lill-PN bħala partit dgħajjef ħarġu bl-idea jekk għandux jinħoloq partit politiku ġdid biex jieħu post il-PN bħala l-partit tal-oppożizzjoni.

Din l-istqarrija tas-Civil Society Network ma niżlet xejn tajjeb ma’ bosta nazzjonalisti tant li qanqlet l-għadab u l-kundanna minn diversi attivisti u kandidati nazzjonalisti.

Wieħed fost dawk li ħarġu jikkundannaw kien Alex Borg li fil-profil tiegħu ta’ facebook stqarr bla tlaqliet li bħala kandidat f’isem il-PN  jiddisassoċja ruħu kompletament minn mas-Civil Society Network u l-għaqda Repubblika. Akkużahom ukoll li l-għan prinċipali ta’ dawn iż-żewġ entitajiet imur lil hinn mill-prinċipji u l-valuri tal-PN. Aktar minn hekk, Alex Borg iddeskrieva liż-żewġ entitajiet bħala irrelevanti fil-ħidma tiegħu favur Malta u Għawdex.

Jidher li l-kumment ta’ Borg fiħ innifsu ħasad lil ħafna nazzjonalisti tant li ħarġu qatta bla ħabel kontrieħ. L-ewwel li kkummentat kienet l-eks segretarju ġenerali tal-PN Rosette Thake li staqsiet lil Borg għala weħlet ma’ rasu l-għaqda Repubblika, meta skont hi, l-għaqda Repubblika m’għandha x’taqsam xejn mas-Civil Society Network.

Persuna oħra li kkummentat stqarret li hi membru tal-għaqda Repubblika u li fl-elezzjoni żgur se tivvota lill-PN. Persuna oħra qalet li mn’alla hawn l-għaqda Repubblika li qed tgħasses fuq il-Gvern għax il-PN hu dgħajjef u m’hu qed jagħmel xejn. Kumment ieħor jgħid li l-għaqda Repubblika qed tagħmel dak li mhux jagħmel il-PN li falla miżerament f’dawn l-aħħar erba snin.

Kummenti u reazzjonijiet ta’ din ix-xeħta qed ikomplu jikxfu kemm bosta partitarji nazzjonalisti huma diżillużi mill-partit tagħhom stess u kemm qed jaraw lill-PN bħala partit staġnat u bla sinsla tant li kważi qed jafdaw iktar fl-għaqda Repubblika milli fil-PN.

L-istess kummenti jixhdu wkoll illi minkejja li biddlu l-kap u lit-tmexxija, il-PN baqa’ l-istess u l-bidla li suppost għamlu ma biddlet sostanzjalment xejn.

Ekonomija

Sport